AĠĠORNAT: Il-Parlament Daniż jivvota favur liġi biex jittieħdu l-assi tal-immigranti

Il-parlament Daniż ivvota favur abbozz kontroversjali biex jiġu kkonfiskati l-oġġetti ta’ valur ta’ refuġjati biex jitħallsu l-ispejjeż talli qed jinżammu u jingħataw kenn. Malli tħabbret aktar kmieni dan ix-xahar, din il-proposta ġibdet kritika qawwija kemm fid-Danimarka stess kif ukoll minn pajjiżi oħra.

L-awtoritajiet Daniżi jinsistu li din il-politika ġġib lill-immigranti bħad-Daniżi li m’għandhomx impjieg u li jkollhom ibiegħu l-assi tagħhom biex jieħdu l-benefiċċji. L-abbozz kellu l-appoġġ ta’ ħafna membri parlamentari minn partiti differenti minkejja li kien ikkritikat minn gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem. Permezz tal-liġi, l-awtoritajiet Daniżi se jkollhom id-dritt ifittxu fil-bagalji tal-immigranti għal oġġetti ta’ valur u assi. Oġġetti ta’ valur sentimentali bħal ċrieket taż-żwieġ huma eżenti.

Il-Gvern Daniż ivvota wkoll favur propost oħra kontroversjali – dik li jittardja l-għaqda bejn il-familji ta’ refuġjati u immigranti f’attentat biex jixkoraġġixxihom milli jivjaġġaw lejn il-pajjiż. Din is-sena d-Danimarka mistennija tirċievi mal-20,000 immigrant meta mqabbel mal-15,000 fl-2015.