Lokali
Id-daqq tal-baned se jerġa’ jidwi fil-Kottonera

Fi tmiem din il-ġimgħa fil-Kottonera se jibda l-ewwel Festival Nazzjonali tal-Baned li se jkun mifrux fuq erba’ serati li ser isiru madwar is-swar.

Il-festival se jkun organizzat mill-Fondazzjoni Kottonera flimkien mal-Għaqda Każini tal-Banda. Il-Ġimgħa li ġej filgħaxija l-Banda San Ġużepp tal-Kalkara se ddoqq f’Bormla; is-Sibt fil-Kalkara se ddoqq il-Banda San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi; waqt li fiż-żewġ kunċerti tal-Ġimgħa u s-Sibt ta’ wara se jdoqqu l-Banda Sant’ Elena ta’ Birkirkara fl-Isla u l-Banda Re Ġorġ 5 tal-Imqabba se ddoqq fil-Birgu.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, id-deputat Glen Bedingfield qal li fil-kunċerti se jindaqqu erba’ kompożizzjonijiet ġodda li lkoll għandhom tema tal-Kottonera u intgħażlu minn ġurija internazzjonali. Wera l-fehma li dan il-festival se joħroġ l-ġmiel tal-identità Maltija.

Il-Viċi President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Omar Xuereb, wera l-apprezzament għall-organizazzjoni tal-festival li qal hu l-ewwel attività fuq bażi nazzjonali għall-baned li bil-mod il-mod qed jerġgħu jieħdu l-ħajja u jkunu impenjati b’attivitajiet.

Il-Ministru għall-Kultura, Joe Herrera, qal li l-Festival Nazzjonali tal-Baned wasal fi żmien opportun għax se jagħti spinta l-attivitajiet kulturali wara waqfa ta’ bosta xhur minħabba l-pandemija. L-attendenza għal xi wieħed mill-kunċerti hi b’reġistrazzjoni fuq il-paġna tal-facebook tal-Fondazzjoni Kottonera.