Infrastruttura
Id-dawl fil-mini se jibda jitbaxxa u jogħla mal-jum biex għajnejk joqogħdu mill-ewwel

Sistema ġdida ta’ dawl li se tiġi stallata fil-mini ewlenin se telimina diffikultà li jesperjenzaw ħafna sewwieqa. Bis-sistema l-ġdida, il-qawwa tad-dawl fil-mini se tinbidel mal-ġurnata billi jitbaxxa u jogħla mal-ħin, ħalli għajnejn is-sewwieqa joqogħdu mill-ewwel meta jidħlu bil-vettura.

Din hi waħda mill-bidliet fi proġett li bih Infrastructure Malta qed iddur dawra tajba 4 mini li ilhom mibnija snin u tħallew kif kienu meta saru. Ix-xogħol mistenni jitlesta sa nofs din is-sena.

Studji li saru għal Infrastructure Malta mat-tliet snin ilu fuq erba’ settijiet ta’ mini kkonkludew li l-istruttura tagħhom tinsab f’qagħda tajba iżda jeħtieġu manutenzjoni estensiva, jinbidlu s-servizzi u jitjiebu s-sistemi ta’ sigurtà. L-eqdem mini huma Ta’ Giorni li nbnew 54 sena ilu. L-aktar riċenti huma Tal-Qroqq li għandhom 25 sena. Bejniethom inbnew l-mini ta’ Ħal Kirkop u Santa Venera. F’Awwissu li għadda ngħata bidu għal proġett ta’ titjib ta’ dawn il-mini li għalih Infrastructure Malta qed tinvesti €10 miljun.

Il-Perit tal-proġett, Albert Spiteri, spjega kif it-tindif tal-ħitan tal-mini min-nugrufun li nġema’ tul is-snin kixef ħsarat fl-istrutturi u l-faċċati, li ġew irranġati fosthom anke bil-bdil ta’ ġebel.

“It-tindif sar b’mod ta’ high pressure washing. Ovvjament kien hemm studju b’liema tip ta’ pressa għandha bżonn tintuża. Bħalma għidt tajjeb dawn il-mini qatt ma raw jew ftit li xejn raw dan it-tip ta’ tindif u allura meta bdejna naqilgħu bdejna naraw li kien hemm ħsarat strutturali oħrajn li nnutajnihom ukoll b’testijiet li għamilna.”

Il-Perit Spiteri spjega li għaddej xogħol fuq il-bini ta’ bankini ġodda, tħejjijiet biex il-mini jinżebgħu u wara tibda l-istallazzjoni tad-dawl u sistemi ta’ sigurtà li ser ikunu mqabbda ma’ kmamar tal-kontroll li nbnew fuq barra ta’ kull sett ta’ mini. Il-kameras tas-sigurtà se jkunu mqabbda wkoll mal-control room ta’ Transport Malta. L-Inġinier tal-proġett, Patrick Carey, spjega li d-dawl se jkun diżinjat skont standards Ewropej.

“There will be a number of different zones within the tunnels, so your eyes as a driver will adjust to the different lighting levels at the entrance, driving through the centre of the tunnel and at the exit of the tunnels. Additionally there is a lot of safety lighting that we have included. So there will be safety lighting along the sides of the tunnels.”

Il-mini se jkollhom ħruġ ta’ emerġenza, telephones għal emerġenzi u sistema ta’ moniteraġġ tal-kwalità tal-arja. Inċident jew nar f’mina joffri għadd ta’ sfidi fosthom kundizzjonijiet mudlama, f’nar jintlaħqu temperaturi għolja għax is-sħana tibqa’ fl-istess post u d-duħħan jimla’ kullimkien. Biex tilqa’ għal din l-eventwalità, fejn f’dan l-ambjent vettura tat-tifi tan-nar trid tibqa’ barra, Infrastructure Malta kkonsultat mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u għaddiet minn taħt l-art ‘il fuq minn tliet kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma li tqabbdu ma’ dry risers tul il-mini.

Id-Deputat Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro qal “fire engine tqabbad direttament mad-dry risers, l-ilma jigi ppumpjat fihom u l-pumpier kull ma jrid jagħmel hu li jqabbad il-manka ma’ waħda minn dawn u jkun jista’ jitfi u jsalva l-ħajja tan-nies fi ftit ħin. Infrastracture Malta qed tistalla wkoll ammont ta’ ġibjuni fit-truf tal-mini biex b’hekk ukoll il-fire engine li tasal tkun tista’ tieħu l-ilma mill-ewwel u tista’ tippumpja l-ilma ġol-mina.”

Ħafna mix-xogħol qed isir l-aktar mal-lejl u fi tmiem il-ġimgħa biex jonqos l-inkonvenjent għall-pubbliku. Kelliem għal Infrastructure Malta qal li x-xogħolijiet kollha mistennija jitlestew f’Ġunju.