Lokali
Id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-ilmenti tal-PN kontra l-PBS

Stqarrija li qed tixxandar fuq direzzjoni tal-Awtorità tax-Xandir:

F’seduta tal-Awtorità tax-Xandir li saret fit-28 ta’ Jannar li għadda, l-Awtorità kellha quddiema ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-PBS, wara li TVM naqas li jirrapporta l-kawża li kienet qed tinstema’ fir-rigward tal-Vitals.

Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li f’din is-seduta xehed l-ex Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-garanzija li kien għamel il-Gvern, liema seduta iżda ma ġietx irrappurtata minn TVM b’kuntrast mar-rappurtaġġ li sar mill-istazzjonijiet u l-media kollha. Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li dan kien nuqqas min-naħa tal-PBS u li jmur kontra r-regoli tal-imparzjalità hekk kif definiti fl-Att dwar ix-Xandir u kontra l-Leġislazzjoni Sussidjarja li tiddefinixxi l-valur tal-aħbar.

L-Awtorità qablet li x-xhieda tal-ex Prim Ministru f’din il-kawża kellha valur ta’ aħbar u l-PBS naqas meta ma xandarx rappurtaġġ ta’ din ix-xhieda li ta Dr Muscat. Għaldaqstant, l-Awtorità laqgħet l-ilment tal-Partit Nazzjonalista u bħala rimedju talbet biex tinqara dan is-sunt tad-deċiżjoni.

F’deċiżjoni oħra tal-Awtorità tax-Xandir, b’rabta ma’ ilment ieħor tal-Partit Nazzjonalista li sar kontra l-PBS dwar rappurtaġġ fl-aħbarijiet ta’ stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ppubblikata dwar iċ-ċittadinanza, l-Awtorità ma laqgħetx l-ilment tal-Partit Nazzjonalista.

L-Awtorità qalet li l-ewwel stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista kienet tikkundanna s-segretezza fil-programm ta’ ċittadinanza, u ġustament ġiet irrappurtata fl-aħbarijiet, filwaqt li t-tieni stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ma kellhiex aħbarijiet ġodda u għaldaqstant ma kienx hemm bżonn li tixxandar.