Ekonomija u Finanzi
AĠĠORNAT: Entitajiet jirreaġixxu għad-deċiżjoni tal-FATF dwar Malta

Wara d-deċiżjoni tal-FATF (Financial Action Task Force) li tpoġġi lil Malta fuq il-lista l-griża, kien hemm reazjoni minn diversi partiti, għaqdiet u korpi kostitwiti.

L-ADPD jappella li tkun revokata l-iskema taċ-ċittadinanza

Iċ-Chairperson ta’ ADPD, Carmel Cacopardo, qal li l-ADPD imnikket bid-deċiżjoni, minkejja li din kienet mistennija. Qal li l-azzjoni kontra l-ħasil tal-flus waslet tard u saret ħsara konsiderevoli. Qal li huma dawk fil-livelli ta’ dħul aktar baxx li se jħossu l-biċċa l-kbira tal-impatti negattivi ta’ din id-deċiżjoni.

Żied li l-Gvern, bl-appoġġ tal-Oppożizzjoni, matul is-snin żviluppa kunsens nazzjonali dwar is-settur finanzjarju, inkluż sistema li tagħmilha possibbli għall-użu ta’ Malta bħala ċentru tal-evażjoni tat-taxxa. Cacopardo qal li huwa essenzjali li tittieħed azzjoni immedjata biex terġa’ tinbena r-reputazzjoni ta’ Malta, fosthom bir-revoka immedjata tal-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment u l-għeluq tal-lakuni legali għall-evazjoni tat-taxxa.

L-MEA tgħid li għandhom jinżammu persuni responsabbli

L-Assoċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem (MEA) qalet li d-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lil Malta fuq il-lista l-griża hija daqqa devastanti għall-ekonomija u se ġġebbed ir-reżiljenza tagħha sal-limitu.

Qalet li din il-kriżi hija frott ta’ prattiċi korrotti minn minoranza ta’ politiċi u negozjanti, magħduda ma’ sistemi governattivi mhux effiċjenti. Żiedet li l-ewwel pass biex terġa’ tinbena r-reputazzjoni ta’ Malta huwa li naċċettaw l-eżitu għal dak li hu, filwaqt li jinżammu persuni responsabbli, irrelevanti min huma.