Parlament
‘Id-defiċit għas-sena li għaddiet mistenni jkun ta’ €900 miljun’

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li skont stimi proviżorji, id-defiċit tal-pajjiż għas-sena li għaddiet mistenni jkun ta’ €900 miljun.

Il-Ministru għall-Finanzi qal dan fi tweġiba supplimentari lid-Deputat Laburista Jean Claude Micallef. Huwa qal li d-defiċit huwa riżultat tal-impatt qawwi li l-pandemija tal-Covid 19 ħalliet fuq l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż.

Il-Ministru Caruana kompla jgħid li dan id-defiċit jirriżulta minn infiq addizzjonali li kellu jsir kif ukoll min-nuqqas ta’ dħul għall-Gvern. Qal li stimi proviżorji juru li d-defiċit se jkun ta’ 9.4%. Huwa qal li l-impenn tal-Gvern huwa li jonfoq kemm hemm bżonn biex iħares l-infrastruttura ekonomika u tal-impiegi.

Fi tweġiba relatata lid-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, il-Ministru Caruana qal li skont il-Kummissjoni Ewropea, il-qagħda finanzjarja ta’ Malta tippermetti lill-Gvern ikompli jgħin l-ekonomija sakemm id-dejn jibqa’ f’livell aċċettabbli. Waqt li qal li setturi bħal dawk tal-oqsma finanzjarji, tal-gaming u tal-professjonijiet baqgħu għaddejjin waqt il-pandemija, 40% tal-ekonomija ntlaqgħtet ħażin.