Lokali
Mill-Ġimgħa kwarantina fid-dar minflok f’lukanda għal residenti ta’ Malta mlaqqmin

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li mill-Ġimgħa li ġej dawk kollha li ġejjin minn pajjiżi ħomor skuri, u li huma mlaqqmin, għandhom ċertifikat u huma residenti f’Malta, jistgħu jagħmlu kwarantina f’darhom u mhux iktar f’lukanda.

Qal li dan jgħodd biss jekk min qed jgħix magħhom fir-residenza ta’ Malta huwa wkoll imlaqqam, u jekk m’hemmx ħafna nies oħra fl-istess residenza. Tfal taħt tnax-il sena jridu biss PCR test negattiv. Wieħed huwa xorta mħeġġeġ jikseb permess mill-awtoritajiet tas-saħħa qabel ma jiġi Malta.

Dr Fearne ħabbar ukoll li ċertu stabbilimenti esprimew ix-xewqa li jilqgħu biss klijenti li huma kompletament imlaqqmin, u dawn l-istabbilimetni se jkollhom tnaqqis fil-miżuri restrittivi imposti fuqhom, fosthom inqas distanza bejn l-imwejjed u ħin itwal għall-operat. Id-dettalji dwar din is-sistema se jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Fakkar kif fix-xhur li għaddew bdew jiġu rilaxxati l-miżuri ftit ftit meta deher li s-sitwazzjoni qiegħda taħt kontroll. F’Ġunju nfetaħ il-pajjiż għat-turiżmu, u ftit ġimgħat wara bdew jiżdiedu l-każijiet. Parti mir-raġuni kienet li xi turisti kienu qed jiġu Malta mingħajr ma jkunu mlaqqma, u kien għalhekk li ddaħħlet il-miżura biex kull min jiġi jkun imlaqqam jew irid joqgħod kwarantina.

Qal li Malta qed taċċetta ċ-ċertifikati tat-tilqim ta’ pajjiżi varji, u min-nhar il-Ġimgħa filgħodu se jibda jiġi aċċettat ukoll iċ-ċertifikat tat-tilqima mill-Kanada.

Żied li l-varjant li qed inħarsu lejh bħala l-iktar ta’ tħassib issa huwa l-mu variant, u mhux iktar id-delta. Għalhekk se jkun hemm tibdil fil-pajjiżi li huma ħomor skuri.

Dawn il-miżuri tħabbru waqt li tħabbar investiment ta’ nofs miljun ewro fl-iktar CT Scanner avvanzat, li mistenni jnaqqas l-effetti ħżiena tar-raġġi tal-kimoterapija għal dawk morda bil-kanċer.

Dr Fearne qal li 91% ta’ dawk kollha eliġibbli għat-tilqima, huma mlaqqmin kompletament. Qal li l-awtoritajiet bdew bi programm biex jagħtu t-tielet doża tat-tilqima; il-booster, lil dawk li għandhom bżonnha. Sa tlett ijiem oħra se tkun ġiet offruta din id-doża lir-residenti kollha fid-djar tal-anzjani.

Għaddej ukoll it-tilqim tal-booster ta’ dawk li huma immuno-suppressed. Imbagħad, mit-Tnejn 27 ta’ Settembru jibda jingħata l-booster lil dawk kollha minn 70 sena ‘l fuq.

Spjega li din il-pandemija mhux marbuta ma’ terminu qasir ta’ żmien, u għalkemm ma nafux kemm se ddum, ma rridux inħallu l-biża’ tal-pandemija jipparalizzana, u rridu “nitgħallmu ngħixu mal-pandemija.”

Qal li dan ma jfissirx li wieħed ma jagħtix kas il-miżuri, imma li wieħed juża x-xjenza biex inqarrbu kemm jista’ jkun lejn il-ħajja normali.

Qal li sal-lum fl-ITU hemm pazjent wieħed li mhux imlaqqam u oħrajn li jaqgħu fil-kategorija tal-immuno-suppressed. Dan juri li għal dawn in-nies il-Covid għadha perikoluża.