Qorti
Id-deputat Jason Azzopardi jirbaħ libell kontra Vince Borg

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi rebaħ kawża ta’ libell fil-konfront ta’ Vince Borg wara li dan tal-aħħar staqsa jekk Azzopardi ltaqax ma’ ‘working girl’ f’lukanda ewlenija. Huwa ġie ordnat jagħtih €1,000 f’kumpens wara li nstab ħati li mmalafamah.

L-Avukat Azzopardi fetaħ il-kawża kontra Borg dwar kumment li dan tella’ fuq Facebook fil-5 ta’ Awwissu 2020.

Fil-kumment bl-Ingliż Borg staqsa lil Dr Azzopardi jekk qattx uża Portomaso biex jiltaqa’ ma’ dik li sejjaħ ‘working girl’.

Id-deputat tal-Oppożizzjoni sostna li b”working girl’ in-nies fehmu li prostituta u ddikjara li f’ħajtu qatt ma mar ma’ prostituta.

Min-naħa tiegħu Borg irribatta billi qal li bil-kelma ‘working girl’ ried ifisser mara li taħdem fil-lukanda msemmija.

Madankollu l-Maġistrat Rachel Montebello rrimarkat li l-insinwazzjoni tiegħu kienet li d-deputat parlamentari mar ma’ prostituta.

Hija sabitu ħati li mmalafama lil Azzopardi u waqt li kkundannat l-aġir ta’ Borg ordnatlu jagħti lid-deputat €1,000.