X

Id-Deputat Prim Ministru inkarigat mill-implimentazzjoni tar-riforma Parlamentari

Qabel jiftaħ il-Parlament fl-1 ta’ Ottubru li ġej, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ġie inkarigat mill-Prim Ministru biex ikun responsabbli mill-implimentazzjoni tar-riforma Parlamentari. F’kummenti esklussivi lil TVM, il-Ministru Fearne qal li l-għan tar-riformi huwa fost oħrajn biex tiżdied il-partiċipazzjoni tan-nisa fil-politika.

Id-deputat Prim Ministru Chris li diġà kien leader of the House u jmexxi n-naħa tal-Gvern fil-kumitat tax-xogħol tal-kamra tad-deputati, issa ġie fdat ukoll li jmexxi d-diskussjonijiet dwar riformi Parlamentari oħrajn ma’ dawk li diġà saru f’din il-leġislatura.

F’kummenti lil TVM, il-Ministru Fearne qal li flimkien mal-Ispeaker Anġlu Farrugia se jara li jibdew diskussjonijiet biex issir riforma parlamentari fosthom il-possibilità li l-membri parlamentari jkunu full time.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal “irridu naraw kif il-membri parlamentari jkunu iktar impenjati, mhux Ministri, imma ħafna mill-membri ikollhom xogħol ieħor, ikomplu l-professjoni, irridu naraw wasalx żmien li dawn ikunu iktar ddedikati għax-xogħol parlamentari.”

Il-Ministru Fearne spjega lil TVM li diġà sar pass ‘il quddiem meta minn Ottubru li ġej, tnejn mit-tliet seduti fil-ġimgħa tal-Parlament ser jibdew jiltaqgħu iktar kmieni u jispiċċaw fis-7pm flok fid-9.30pm.

Huwa qal li l-iskop ewlieni huwa biex il-membri parlamentari jkollhom iktar ħin mal-familja tagħhom. Dr Fearne qal li trid titkompla l-ħidma biex il-Parlament ikollu rappreżentanza usa’ ta’ nisa.

Dwar l-abbuż tal-immunità Parlamentari, Dr Fearne qal din titlob diskussjoni sħiħa biex jinstab bilanċ xieraq dwar id-dritt tal-membri parlamentari u d-dritt taċ-ċittadini li jiddefendu r-reputazzjoni tagħhom f’każ li jiġu attakkati inġustament.

Chris Fearne qal “din hija kwistjoni li trid issir b’diskussjoni mal-Oppożizzjoni, nifhem li għandna ħafna riżorsi f’ ex speakers li għadhom attivi, u beħsiebni nikkonsulta ma’ speakers passati, u nieħdu mill-esperjenzi biex insaħħu s-sistema parlamentari tagħna”.

Riforma oħra fl-aġenda ta’ Dr Fearne ser tkun id-diskussjoni biex il-Maltin li jgħixu barra jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet mingħajr il-ħtieġa li jiġu Malta.

av :