Politika
AĠĠORNAT: Id-deputati tal-PN jaqblu fuq Therese Comodini Cachia biex tieħu post Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni

Sorsi qalu li l-Avukat Therese Comodini Cachia ġiet nominata mill-maġġoranza tal-kollegi tagħha fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista biex tkun il-Kap tal-Oppożizzjoni minflok Dr Adrian Delia li t-Tlieta ġie sfiduċjat mill-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalista.

Ftit qabel l-erba’ ta’ waranofsinhar, id-Deputati Chris Said u Claudette Buttigieg marru jiltaqgħu mal-President, George Vella, u ftit wara li spiċċat din il-laqgħa fil-Palazz ta’ Sant’Anton deher dieħel Dr Adrian Delia u ħareġ madwar siegħa wara.

Kien għal ħabta tal-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar x’ħin id-Deputati Nazzjonalisti Chris Said u Claudette Buttigieg dehru deħlin il-Palazz ta’ Sant’Anton fi tmiem laqgħa li saret fil-Parlament bejn id-deputati li t-Tlieta li għadda vvutaw li m’għadx għandhom fiduċja f’Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni.

Iż-żewġ deputati Nazzjonalisti dehru ħerġin mill-Palazz ftit iktar minn tliet kwarti wara mingħajr ma taw ebda kummenti lill-ġurnalisti.

Mhux eskluż li fil-laqgħa mal-President, iż-żewġ deputati talbuh biex formalment jibda l-proċess biex jaħtar Kap tal-Oppożizzjoni ġdid minflok Dr Delia għax kien hemm maġġoranza fl-Oppożizzjoni li tappoġġja lil Dr Comodini Cachia biex tassumi din il-kariga kostituzzjonali.

Għal ħabta tall-ħamsa u nofs, Dr Adrian Delia wkoll deher dieħel il-Palazz u ħareġ madwar siegħa wara mingħajr ma ta ebda kummenti.

Dan l-iżvilupp seħħ wara li Dr Delia ddikjara li minkejja l-vot ta’ sfiduċja, huwa kien se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni. Qal ukoll li kien se jlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-partit biex ikompli jiddiskuti s-sitwazzjoni. Il-President tal-Eżekuttiv, Dr Alex Perici Calascione qal li rċieva t-talba għal-laqgħa u qed jikkordina biex din issir fil-jiem li ġejjin.

Skont l-istatut Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jservi bħala Kap tal-Oppożizzjoni meta l-partit ikun fl-oppożizzjoni. Madankollu, skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-President għandu s-setgħa jaħtar Kap tal-Oppożizzjoni l-persuna li għandha l-akbar appoġġ fost il-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni.

L-eks ewroparlamentari Therese Comodini Cachia li ssekondat il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Dr Delia, ġiet eletta fil-Parlament Nazzjonali fl-2017 u jekk tinħatar Kap tal-Oppożizzjoni, tkun l-ewwel mara li qatt serviet f’din il-kariga.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Il-Kap tal-PN Adrian Delia jiltaqa’ mal-President George Vella

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

L-organizzaturi tal-attivitajiet li jinqabdu jiksru r-regoli tal-miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex iwaqqfu l-imxija tal-Covid-19 jistgħu jeħlu multa ta’ €3,000 għal kull miżura li jiksru. Dan tħabbar illum f’avviż legali ppubblikat…

Lokali

Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru, ippreżentat total ta’ €8,000 f’donazzjonijiet li nġabru waqt l-ewwel edizzjoni ta’ ‘A Night at the Palace’, lill-għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-annimali. Waqt li…

Agrikultura

L-istaġun tal-ħsad tal-għeneb għall-għasir infetaħ mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo, fil-preżenza tal-produtturi tal-inbid Malti. Il-Ministru qal li l-inbid Malti huwa wieħed ta’ kwalità għax l-industrija aġġornat maż-żminijiet. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Agrikoltura Saviour…

Lokali

Ġie inawgurat uffiċjalment il-proġett ta’ tour virtwali fil-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Dan il-proġett, mgħejjun mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, inħoloq matul il-pandemija tal-COVID-19 bil-ħsieb li l-katidral xorta waħda jiftaħ il-bibieb…

Aktar