Lokali
Id-destin tal-ponta ta’ Paceville mill-ġdid f’dibattitu

Id-destin tal-ponta ta’ Paceville reġa’ jinsab fl-arena ta’ argumenti favur u kontra l-iżvilupp propost mill-grupp DB. Il-Moviment Graffitti b’koalizzjoni ta’ għaqdiet u tliet kunsilli lokali ddikjara li anke l-pjanti riveduti tal-grupp DB mhumiex aċċettabbli. Mill-banda l-oħra, il-Grupp DB qed jargumenta li r-reviżjonijiet li għamel minn rajh wara li kien ħareġ il-permess, huma konformi mal-policy tal-2006 u l-pjanti riveduti fost oħrajn naqsu d-densità tal-bini u żiedu l-ispazju miftuħ.

Disinn tal-pjanti riveduti maħruġ mill-grupp DB juru r-reviżjonijiet li saru fil-proġett tac-City Centre ħdejn dak li sa ftit ilu kien l-ITS f’Pembroke qabel mal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jerġa’ jiddeċiedi fuqu wara li l-Qorti kienet annulat l-permess minħabba li sabet li membru tal-bord seta’ kellu konflitt ta’ interess. Il-progġtt mibdul fost oħrajn juru li t-torri fil-ponta ta’ Paceville ser ikun seba’ sulari inqas milli kien ippjanat u l-lukanda biswitu ser tkun b’żewġ sulari inqas mid-disinn oriġinali.

Il-grupp DB qal li bir-reviżjoni l-iżvilupp ser jonqos b’50,000 metru kwadru u l-ispazju miftuħ bejn it-torri u l-lukanda żdied bi ħdax-il metru għal 40 metru, waqt li ser titħalla pjazza miftuħa ta’ sebat elef metru kwadru. Id-disinni riveduti juru wkoll li l-binji storiċi ser jinżammu kif inhuma u jiġu inkorporati fil-proġett wara li jiġu restawrati filwaqt li sostna li Għar Ħarq Ħamiem mhux ser jiġi minsus għax ħa jkun protett f’saff blat ta’ 24 metru.

Minkejja dawn reviżjonijiet u minkejja li l-Grupp DB qal li lest jinvesti miljun ewro u nofs fi proġetti għall-komunità biex itejjeb l-ambjent għar-residenti ta’ Pembroke, il-Moviment Graffitti flimkien ma’ disa’ għaqdiet oħra u tlett kunsilli tal-viċin komplew jopponu l-proġett li sejħulu mostruż għaliex qalu li dan ser jidfen ħajjin lir-residenti u jaffetwa ħażin l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Huma qalu dan waqt li fetaħ il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika qabel mal-Awtorità tal-Ippjanar terġa’ tiddeċiedi fuq il-proġett.

Waqt li irrikonoxxew li l-pjanti riveduti jipprovdu aktar spazju miftuħ u pjan rivedut ta’ skavar, xorta sostnew li l-proġett tas-City Centre huwa sproporzjonat. Qalu li bih Paceville ser jinvadi lil Pembroke u s-Swieqi għaliex jiġġenera attività kummerċjali bla waqfien f’dawn il-lokalitajiet residenzjali.

Lil hinn mill-konsiderazzjoniet ambjentali u tal-ippjanar, kelliem għall-Grupp DB qal li minkejja l-għafsa ekonomika preżenti, il-Grupp dieħel għal dal-proġett ambizjuż b’investiment 250 miljun ewro b’kuraġġ. Żied jgħid li l-Grupp ta kas ħafna oġġezzjonijiet li tqajmu li qed jirriflettu ruħhom fir-reviżjonijiet li saru. Kompla jgħid li dal-proġett ser joħloq mal-1200 impjieg wara li jitlesta l-proġett.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Wara li l-Università ta’ Malta semgħet id-dispjaċir tal-istudenti u l-familjari tagħhom għall-aħbar li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni se jiġu posposti hija qalet li se ssib soluzzjoni biex dawn isiru fiż-żmien tagħhom. Ilbieraħ…

Immigrazzjoni

Grupp ta’ madwar 50 immigrant żbarkaw matul il-lejl li għadda f’Malta wara li kienu ilhom ġranet abbord il-bastiment  MV Talia. F’kitba fuq twitter l-għaqda Alarm Phone, qalet li wara ġranet maqbuda…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef vot ta’ fidċuja fil-grupp parlamentari wara laqgħa li damet għaddejja ħames siegħat. Madanakollu, f’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, Dr Delia qal li mhux…

Edukazzjoni

L-Università ta’ Malta ħabbret li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu se jsiru f’Novembru u Diċembru li ġej jiġu posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-inċertezza relatata mal-COVID-19. Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella…

Aktar