Qorti
Id-difiża tallega li Fenech qed jiġi ffrejmjat – il-prosekuzzjoni twieġeb dwar ‘phone taps’ fuq il-Ġojja

Il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet tisma l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, l-allegat suspettat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-avukati ta’ Fenech qed jallegaw li Yorgen Fenech hu vittma ta’ frame-up, mentri l-prosekuzzjoni qed tiċħad diversi allegazzjonijiet li qed isiru mid-difiża.

L-Avukati ta’ Yorgen Fenech qalu li qed jitilfu l-fiduċja fil-prosekuzzjoni. Wieħed mill-avukati difensuri allega li l-proklama ta’ Melvin Theuma ġiet mixtrija u nnegozjata, bl-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ħa €17,000. Qalu li l-prosekuzzjoni kienet taf b’dan iżda għażlet li tibqa’ siekta. L-Avukat ta’ Fenech allega wkoll li l-prosekuzzjoni qed tagħti pariri lil Theuma kif għandu jixhed u li jeżistu recordings bejn Theuma u l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Mario Tonna. Żied jgħid li l-prosekuzzjoni trid iżomm mistura dawn ir-recordings li qal fihom Theuma qiegħed jimplika lil ħaddieħor fil-qtil u mhux lil Yorgen Fenech.

L-Ispettur Keith Arnaud ċaħad b’qawwa l-allegazzjonijet tad-difiża li l-prosekuzzjoni qed tagħti pariri lil Theuma u qal li l-investigazzjonijiet fil-konfront ta’ Yorgen Fenech għadhom għaddejjin. Żied li l-Ġojja għażel li jeżerċita d-dritt tiegħu u ma jitkellimx waqt li kien qed jiġi nterrogat u kien għalhekk li l-pulizija użat informazzjoni li kisbet mis-servizzi sigrieti, biex jippruvaw iġiegħlu lil Ġojja jitkellem. Fost affarijiet oħra, din l-informazzjoni li fil-Qorti rreferew għaliha bħala phone taps, juru li l-Ġojja qal lil Theuma biex isemmi lil Yorgen Fenech b’ismu. L-Ispettur Arnaud iddikjara li l-phone taps huma differenti mir-recordings u li m’hemm l-ebda recording fil-pussess ta’ Melvin Theuma ta’ konversazzjonijiet bejn Theuma u Mario Tonna.

Waqt is-seduta, uffiċjal tal-Qorti ppreżentat il-proċess verbal tal-2017 li kien sar mill-Maġistrat Nevile Camilleri u li ngħalaq fl-2020 dwar l-inkjesta ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017 fil-Bidnija li fiha nqatlet Daphne Caruana Galizia. L-ispettur Keith Arnaud ippreżenta sitt dvd’s tal-istqarrijiet li ta Melvin Theuma f’Novembru 2019.