Qorti
AĠĠORNAT: Il-każ taż-żewġ saċerdoti mixlija b’abbuż se jinstema’ fil-magħluq

Il-Maġistrat Bridgette Sultana ordnat li l-każ taż-żewġ saċerdoti mix-Xagħra mixlija b’abbużi sesswali ta’ abbati meta kien għadu m’għalaqx it-tnax-il sena jkompli jinstema’ fil-magħluq. Id-digriet ingħata fuq talba tad-difiża, bil-Maġistrat Sultana ordnat ukoll lill-media ma tibqax tirrapporta dwar dan il-każ.

It-tielet seduta tal-kumpilazzjoni tax-xhieda rat diversi uċuħ ġodda fl-awla tal-qorti. Inbidlet il-Maġistrat, is-saċerdoti għandhom avukat ġdid jiddefendihom waqt li inbidel ukoll l-avukat li qed iħares l-interessi tal-allegat vittma.

Il-ġurnalisti ma damux iktar minn kwarta f’awla tal-Qorti t’Għawdex fejn kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ żewġ saċerdoti – Dun Ġużeppi Cini u Dun Ġużeppi Sultana – mixlija b’abbuż sesswali ta’ minuri. Wieħed minnhom qed jiffaċċja wkoll l-akkuża ta’ stupru. Il-qorti laqgħet it-talba tad-difiża u ordnat li minn issa ‘il quddiem il-kawża tissokta fil-magħluq. Wara li l-ewwel żewġ seduti nstemgħu quddiem il-Maġistrat Monica Vella, il-każ għadda f’idejn il-Maġistrat Bridgette Sultana. Mhux magħruf għaliex inbidel il-ġudikant.

Fil-bidu tas-seduta, l-avukat li mil-lum beda jiddefendi liż-żewġ saċerdoti, talab li s-smigħ tax-xhieda jissokta bil-magħluq. Qal li qed iressaq din it-talba kemm fl-interess tal-vittma kif ukoll biex il-proċess ikun ġust u ma jinħoloqx skandlu pubbliku. Hu kkwota diversi partijiet mill-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u anke sentenzi tal-qorti kostituzzjonali.

L-ispetturi tal-Pulizija li qed imexxu l-prosekuzzjoni qalu li ma tagħmilx differenza kif jissokta l-każ: hux wara bibien magħluqa jew bil-media preżenti. Il-Maġistrat Sultana rtirat u f’inqas minn kwarta, ordnat biex minn issa ‘l quddiem is-seduti isiru fil-magħluq biex fi kliemha jitħarsu kemm id-dritt għal smigħ xieraq u l-ġustizzja fis-sens sħiħ tagħha. Ordnat ukoll li ma jsirx aktar rappurtaġġ dwar dan il-każ.

Fil-kawza saru għadd ta’ bidliet. Fil-każ inbidel ukoll l-avukat parte civile għall-allegat vittma.

Fis-seduta tal-lum kellhom jixhdu l-uffiċjali tal-Pulizija li mexxew l-istħarriġ u l-Arċipriet tax-Xagħra kellu jippreżenta r-rekords ta’ min kienu l-abbatini fil-Knisja Arċipretali tax-Xagħra fis-snin meta allegatament seħħ l-abbuż, ir-rosters tas-servizzi u l-attendenza. L-akkużati kienu ċaħdu l-akkużi. Television Malta jinsab infurmat li fi tmiem is-seduta tal-lum iż-żewġ saċerdoti reġgħu inġiebu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn qed jinżammu taħt arrest.