Barranin
“Id-dinja fix-xifer ta’ falliment morali katastrofiku” – Il-WHO dwar it-tqassim tat-tilqim

Fil-ftuħ tal-konferenza eżekuttiva tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa f’Ginevra, id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, kellu kliem iebes għal dawk in-nazzjonijiet għonja li qed ifittxu l-interessi tagħhom biss u jiskartaw lill-popli fqar.

“I need to be blunt; the world is on the brink of a catastrophic moral failure, and the price of this failure will be paid with lives and livelihoods in the world’s poorest countries,” qal Ghebreyesus.

Ghebreyesus qal li d-distribuzzjoni tat-tilqim kontra l-COVID-19 għandha tkun ġusta mal-pajjiżi kollha tad-dinja, sinjuri u mhumiex.

Intant, residenti fl-Ingilterra ta’ ‘l fuq minn sebghin sena u dawk meqjusa bhala vulnerabbli ħafna se jibdew jissejħu biex jingħataw it-tilqima kontra l-Covid minn din il-ġimgħa. Il-Prim Ministru Boris Johnson qal li din id-deċiżjoni hija waħda importanti fil-programm tat-tilqim fil-pajjiż.

Fl-istess ħin kompliet il-kampanja ta’ tilqim f’żewġ gruppi ta’ nies; persuni fi djar residenzjali, dawk li għalqu t-80 sena u ħaddiema tas-saħħa. Fl-istess waqt se jinfetħu għaxar ċentri oħra tat-tilqim tal-massa madwar l-Ingilterra. Ir-Renju Unit għalaq ukoll l-ivjaġġar sa mill-anqas nofs ix-xahar id-dieħel biex titrażżan l-imxija tal-varjant tal-Covid. Il-Ministru Nadhim Zawahi, li huwa responsabbli mill-kampanja ta’ tilqim, qal li l-gvern qed jittama li jibda jerħi r-restrizzjonijiet għal nofs Marzu.

U fil-Ġermanja, il-kanċillier Angela Merkel qalet li l-gvern qed jiddibatti għandux jestendi l-miżuri ta’ lockdown u jimponi curfews biex il-Ġermanja tkun tista’ tilqa’ aħjar għall-imxija ta’ mewġa oħra ta’ każijiet ta’ Covid-19.

Globalment il-każijiet ta’ coronavirus issa skorrew il-95 miljun u l-Istati Uniti għandha l-ogħla numru ta’ mwiet kawża tal-virus; kważi erba’ mitt elf.