Lokali
Filmat esklussiv miż-Żurrieq josserva fejn jista’ jaqa’ stazzjon spazjali Ċiniż

Grupp ta’ xjentisti Maltin mill-Istitut tal-Ispazju, Xjenza u Astronomija fl-Università ta’ Malta ngħaqdu ma’ tim ta’ esperti internazzjonali sabiex jinterċettaw stazzjon spazjali Ċiniż li jinsab abbandunat u qed idur bla kontroll fl-ispazju. L-istazzjon mistenni li bejn illum u nhar it-Tnejn jerġa’ jidħol fl-isfera tad-dinja qabel jiġġarraf.

Dak li qed taraw huwa filmat esklussiv tal-laboratorju spazjali Ċiniż, it-‘Tiangong-1′ għaddej minn fuq iż-Żurrieq nhar l-Erbgha, 28 ta’ Marzu, fis-sitta neqsin kwart ta’ filgħodu. Dan il-filmat inġibed minn wieħed mix-xjentisti Maltin mill-Istitut tal-Ispazju, Xjenza u Astronomija fl-Università ta’ Malta, permezz ta’ apparat mill-aktar sofistikat, li bih qed josservaw f’liema parti tad-dinja se jaqa’ dan il-laboratorju.

It-‘Tiangong-1′ kien itella’ fl-ispazju fl-2011 bħala parti mill-programm ambizzjuż spazjali taċ-Ċina u kellu jdum fl-ispazju sal-2023. Kien mistenni li la darba jispiċċa l-uzu tiegħu jitniżżel fid-dinja u jinqered mad-dħul lura fl-atmosfera tad-dinja, kif isir f’ċirkostanzi normali.

Madankollu, sentejn ilu, il-kontrolluri Ċiniżi tilfu l-kuntatt ma’ dan l-istazzjon spazjali twil 10 metri u jiżen mat-8,000 kilo u minħabba f’hekk beda jaqa’ bla kontroll.

Il-grupp ta’ xjentisti Maltin, Dr Alessio Magro, Denis Cutajar u Josef Borg, immexxija mid-Direttur tal-Istitut tal-Ispazju, Xjenza u Astronomija, il-Professur Kristian Zarb Adami, żviluppaw teknoloġija li ġiet installata fil-Medicina Radio Observatory ta’ Bologna li qed tissorvelja t-‘Tiangong-1’ biex ibassru fejn il-biċċiet tiegħu jistgħu jaqgħu.

Dr Alessio qal li “għamilna s-software li jipproċessa dak li qed jara t-teleskopju u jidditekkja l-echos li qed jitrasmetti mid-debris. Imbagħad wara li nsibu dawn id-detections nibgħatuhom Milan fejn jippruvaw jiddeterminaw l-orbit skont id-detections li għamilna aħna”.

It-‘Tiangong-1′ qed javviċina d-dinja b’veloċità ta’ 27,000 kilometru fis-siegħa. Dr Magro qal li hu u dieħel fl-atmosfera l-istazzjon se jibda tiddiżintegra, pero partijiet minnu mistennija jaqgħu fid-dinja.

Dr Alessio qal li “fil-fatt jaħsbu li l-ikbar biċċa li se taqa’ se tiżen 100 kilo. Iżda fejn se taqa’ ħadd ma jaf. Bażikament hemm nofs id-dinja ċans fejn taqa’. L-iktar probabbilità li taqa’ lejn l-Ewropa, però l-Ewropa mhiex abitata kollha u għandek ħafna baħar”.

L-aġenzija spazjali Ċiniża qalet li se tkompli tgħasses lit- Tiangong-1 u wegħdet li se toħroġ allert jekk ikun hemm periklu li jinżel f’xi żoni fejn jgħixu n-nies.