Politika
Id-Dipartiment tal-Ġustizzja fil-Floriana qed jaħdem minn binja ġdida

Inawgurata binja ġdida għad-Dipartiment tal-Ġustizzja fil-Floriana li għal dawn l-aħħar sitt snin kien qed jopera mill-Belt Valletta.

Is-sena li għaddiet il-Kummissarji tal-Ġustizzja li jaqgħu taħt dan id-dipartiment ippresedew ‘il fuq minn 2,200 seduta fil-maġġoranza tagħhom tat-traffiku, oħrajn fuq edukazzjoni, kwarantina, u pussess sempliċi tad-droga.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Żammit Lewis ħabbar li sal-2023, dan id-dipartiment se jkun qed jiffinalizza proġett mal-Kummissjoni Ewropea fi qsim ta’ informazzjoni ta’ persuni Ewropej u anki minn pajjiżi terzi li jkollhom passat kriminali biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata.

Inawgurata binja ġdida għad-dipartiment tal-ġustizzja fil-Floriana li beda jopera fis-sena 2014. Fost ix-xogħol li jagħmel id-dipartiment huwa l-ħatriet ta’ kummissarji tal-ġustizzja li jippresedu diversi tribunali.

Is-sena li għaddiet il-kummissarji tal-ġustizzja ppresedew 2, 210 seduta li kienu jikkonsistu f’aktar minn 213,000 kawża, fil-maġġoranza tagħhom, jiġifieri ‘l fuq minn 207,000 seduti tat-traffiku, l-iktar minħabba multi li jingħataw mill-LESA. Seduti oħra kienu tal-edukazzjoni li kienu jammontaw għal iktar minn tlett elef kawża, seduti dwar multi fuq skart, kawżi relatati ma’ Covid u kwarantina, li bejniethom ammontaw għal minn 1,800 kawża u ‘il fuq minn 500 kawża dwar pussess sempliċi tad-droga.

Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Katia Caruana qalet li l-binja l-ġdida se ssaħħaħ il-ħidma tad-dipartiment li qabel ma kellux biżżejjed spazju minn fejn jopera, u li bħalissa għaddej b’diversi proġetti bi sħubija kemm mal-Kummissjoni Ewropea u anki mal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li bħalissa d-dipartiment qed jaħdem fuq proġett kbir mal-Kummissjoni Ewropea, li jissejjaħ ECRIS, European Criminal Records Information System, li jikkonsisti fi qsim ta’ informazzjoni fuq persuni b’passat kriminali, proġett li se jitlesta sa sentejn oħra.

“Il-kondotti u fedini penali, jiġifieri criminal history, ma jibqgħux taħt il-kummissarju tal-pulizija, jimxu taħt id-dipartiment tal-ġustizzja, ikun hemm common database, sharing ta’ intelligence ma’ stati membri oħra, kemm dwar ċittadini Ewropej u Third Country Nationals, biex titħarrex il-cross border crime għal kriminalità organizzata”

Il-Ministru Zammit Lewis qal li dan id-dipartiment li jimpjega madwar għaxar persuni, jieħu ħsieb l-esperti tal-Qorti li jagħtu s-servizzi tagħhom, kemm f’kawżi kriminali u ċivili u f’inkjesti maġisterjali. Qal li d-dipartiment jieħu ħsieb ukoll l-proċess wara li tingħata proklama, anki fuq talbiet ta’ maħfriet żgħar fosthom meta jkun hemm deċiżjoni fuq irtirar ta’ liċenzji tas-sewqan. Id-dipartiment jieħu ħsieb ukoll meta jingħata kumpens bla preġudizzju lil xi uffiċċjali tal-Gvern li jkunu sofrew xi dannu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.