Televiżjoni u Radju
Id-direttur ġenerali tal-EBU jirringrazzja lill-PBS talli għen bi programmi matul il-pandemija

L-imxija tal-pandemija ġabet magħha bosta sfidi. L-iskeda televiżiva mal-erbat irjieħ, fost l-oħrajn, sfat milquta ġmielha. Il-European Broadcasting Union, l-EBU, daqstant ieħor sabet ruħha daharha mal-ħajt f’dawn l-aħħar ġimgħat bla preċedent. F’dan l-isfond, id-direttur ġenerali tal-EBU, is-Sur Noel Curran, radd ħajr lill-PBS talli f’dawn l-aħħar ġimgħat taha daqqa t’id b’għadd ta’ produzzjonijiet.

Fi ftit kliem, għadd ta’ dokumentarji bl-Ingliż imsejsa fuq riċerka rigoruża id f’id mal-Università ta’ Malta xxandru fuq bosta stazzjonijiet Ewropej. Fosthom, xandiriet b’rabta ma’ Caravaggio f’Malta u l-arkeoloġija taħt il-baħar – ‘Caravaggio’s Malta Gamble’ b’riċerka ta’ Prof. Keith Sciberras u ‘The Final Journey’ imsejjes fuq riċerka ta’ Prof. Timmy Gambin. It-tnejn, prodotti mill-ġurnalist ta’ TVM Mario Xuereb.

B’liema programmi, il-PBS laqat żewġ għasafar b’ġebla waħda, hekk kif bihom kien ta’ spalla lill-EBU u fl-istess ħin dan serva ta’ riklam liema bħalu għall-qasam xjentifiku Malti u Għawdxi u għall-wirt kulturali bla qies li mogħnija bih il-gżejjer Maltin.

F’ittra indirizzata liċ-Chairman tal-PBS, Dr Tonio Portughese s-Sur Curran qal li riżultat tal-programmi li offra l-PBS spiċċa jxandar aktar minn 1,300 siegħa ta’ programmi l-ġmiel tagħhom f’perjodu li l-qasam tax-xandir safa xott mill-produzzjonijiet.

Ġimgħat straordinarji, li fost l-oħrajn matulhom l-udjenzi tal-istazzjon nazzjonali żdiedu ġmielhom meta mqabbla maċ-ċifri ta’ Jannar u Frar, kemm filgħodu kif ukoll waranofsinhar. Fl-eqqel tal-pandemija, l-udjenza ta’ TVM żdiedet b’aktar minn 50 fil-mija u dik ta’ TVM2 kibret b’aktar minn 90 fil-mija.

Fost il-programmi li addattaw ruħhom kif mitlub miċ-ċirkostanzi u li baqgħu għaddejjin bil-ħidma sfieqa tagħhom ‘TVAM’, ‘Niskata’, ‘Illum ma’ Steph’ u ‘Gadgets’.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġurnalist veteran Reno Bugeja rrapporta għax-xogħol għall-aħħar darba mal-istazzjon nazzjonali wara karriera ta’ 44 sena. Is-Sur Bugeja se jirtira bl-età f’nofs dan ix-xahar wara li għall-aħħar seba’ snin mexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet…

Lokali

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS. Il-proġett jinkludi fost…

Avjazzjoni

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’…

Aktar