Barranin
Id-direttur ta’ Squid Game jgħid li tilef sitt sinniet bl-istress tal-produzzjoni

Bosta huma li qed isegwu s-sensiela Squid Game fuq Netflix. Biss, minkejja li aħna nsegwuha komdi d-dar biex nirrilassaw, dawk li produċewha ma jistgħux jgħidu l-istess. F’intervista mas-CNN, id-Direttur ta’ Squid Game, is-sensiela li bħalissa hija l-aktar waħda segwita f’90 pajjiż, qal li ġabet magħha ħafna xogħol u stress.

Din il-produzzjoni Sud Koreana tittratta grupp ta’ nies li jaċċettaw li jieħdu sehem f’sensiela ta’ logħob bil-premju finali jkun ammont kbir ta’ flus.

F’intervista mas-CNN, il-moħħ wara din is-sensiela u d-Direttur, Hwang Don-hyuk, qal li din is-serje kienet impenjattiva ħafna u li ma kull logħba li ffilmjaw kien hemm xi ħadd li jweġġa’ jew jispiċċa bil-ħwejjeġ imqattgħin.

Spjega li n-narattiva ta’ Squid Game ddur mas-soċjetà kompetittiva li qed ngħixu llum. Qal li din hija storja dwar dawk li jissieltu kuljum mal-isfidi personali, b’uħud li jitilfu jispiċċaw jibqgħu l-art u r-rebbieħa jibqgħu mexjin ‘il quddiem.

Hwang qal li l-produzzjoni tant kienet intensa li spiċċa tilef sitt sinniet waqt il-ġbid tas-serje minħabba l-istress.

Minkejja l-istress li ġabet magħha din is-sensiela, Hwang Don-hyuk ma għalaqx il-bieb għat-tieni sensiela.