Lokali
Id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol minħabba t-tpinġija għadha teżisti?

Matul iż-żmien il-mentalità ta’ ħafna persuna rigward it-tpinġija fuq il-ġisem inbidlet u iktar ma’ jgħaddi żmien, iktar qed tiġi aċċettata. Biss għad hawn min jemmen li f’ċertu oqsma ta’ xogħol għadu jeżisti element ta’ diskriminazzjoni fuq min għandu t-tpinġija.

Hannah Scicluna, studenta fl-Università ta’ Malta ħasset li għandha tiffoka t-teżi tagħha dwar il-perċezzjoni ta’ min iħaddem fuq persuni li għandhom it-tpinġija sabiex jiġi analizzat jekk f’Malta ssirx diskriminazzjoni fuq dawn il-persuni. Hannah qalet li r-riċerka wriet dak li jaħsbu numru ta’ HR maniġers fuq persuni li għandhom it-tpinġija u x’inhuma l-opinjonijiet tagħhom u l-proċeduri li jaddottaw meta jiġu biex jimpjegaw in-nies. Ir-riċerka inkludiet numru ta’ kumpaniji li ġejjin minn industriji differenti. “Ir-riżultati varjaw mhux ħażin, kien hemm affarijiet simili u ħafna differenzi wkoll”.

Hannah spjegat li b’mod ġenerali dak li jkun ma jsibx oġġezzjoni jimpjega lil xi ħadd b’tattoo. “Il-maġġoranza tal-parteċipanti qalu li għalihom t-tpinġija fuq persuna li qeda tapplika għal xi pożizzjoni hija forma ta’ arti li tirrifletti l-personalità tal-bniedem u l-esperjenzi li jkun għadda minnhom”. Madanakollu kien hemm min iħaddem f’industriji partikolari li mhumiex komdi bit-tpinġija fuq l-impjegati. Dan kien iktar evidenti f’setturi li jirrikjedu li l-impjegati jkunu f’kuntatt dirett mal-klijenti jew konsumaturi.  “Minkejja li saru ħafna bidliet soċjali matul dawn l-aħħar snin, xorta għad hawn nies li mhumiex lesti jaċċettaw it-tpinġija fuq il-post tax-xogħol. Xi wħud kellhom perspettiva negattiva dwar it-tpinġija tant li jħarsu lejn min għandu t-tpinġija bħala nies inferjuri”.

F’dan ir-rigward Rachel Verzin, artista tat-tattoos stqarret li kummenti bħal dawn ma tista’ qatt tifhimhom; “minn mindu l-kapaċità ta’ bniedem tiġi mkejla skond l-istil tiegħu u dak li jagħżel jagħmel fuq ġismu?”