COVID-19
Id-distanza soċjali, il-maskri u l-indafa jridu jibqgħu jinżammu

Minkejja li llum tneħħew ħafna restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19, is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika qed tisħaq li xorta għandhom jinżammu prinċipji bażiċi, għaliex il-pandemija għadha ma ntemmitx.

Is-Sovrintendenza qalet li l-possibbiltajiet ta’ trażmissjoni minn persuna għal oħra mill-esponiment jiżdiedu iktar ma persuna tkun esposta fit-tul u mill-qrib.

Għalhekk qalet li għandhom jibqgħu jinżammu dawn it-tliet miżuri ta’ mitigazzjoni:

1. Id-distanza fiżika / soċjali bejn persuna u oħra, jew gruppi ta’ persuni mhux mill-istess dar teħtieġ li tiġi rrispettata f’postijiet pubbliċi.

2. L-ilbies tal-maskri/visors. L-evidenza turi li l-ilbies tal-maskra jew tal-visors jipproteġi lin-nies mill-infezzjoni tal-COVID-19.

3. Il-miżuri ta’ iġjene u l-etikett respiratorja għandhom dejjem jiġu segwiti biex jiġi evitat li persuna tintlaqat jew ixxerred dan il-virus. Jibqa’ importanti l-ħasil spiss tal-idejn għal mill-inqas 20 sekonda bis-sapun u bl-ilma jew bl-alkoħol li jnaddaf (alkoħol minimu ta’ 70%).

Is-Sovrintendenza qalet li bit-tneħħija ta’ miżuri oħra, inkluż il-ftuħ għall-ivvjaġġar internazzjonali, l-osservanza ta’ dawn it-tliet miżuri hija essenzjali biex fir-rigward tal-Covid-19 nibqgħu nżommu s-sitwazzjoni f’Malta stabbli.