COVID-19
Mario Mifsud jesprimi tħassib dwar oħtu u missieru f’Dar San Ġużepp

Mario Mifsud, magħruf bħala DJ Banana, esprima tħassib għal oħtu b’diżabbiltà u missieru li t-tnejn jinsabu f’Dar San Ġużepp f’siġġu tar-roti.

Fuq il-midja soċjali s-Sur Mifsud kiteb li oħtu, li hija pożittiva għall-Covid-19 damet iddoqq il-qanpiena biex tingħata x’tixrob, u li missierha kien se jaqa’ mis-siġġu tar-roti biex jipprova jilħaqha. Huwa qal li l-ħaddiema tar-residenza ma jistgħux ilaħħqu u jinsabu għajjenin, għax qed jaħdmu b’inqas staff.

Fl-aħħar jiem kienu bosta l-qraba ta’ dawk li jinsabu fir-residenza tal-anzjani fil-Fgura li esprimew tħassib għall-mod kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni.

Wara li resident f’din id-dar kiteb fuq il-midja soċjali biex iserraħ ras il-qraba li l-ħaddiema u l-management qed jieħdu ħsieb lir-residenti, ilbieraħ Dr Brian Farrugia, li jmexxi t-taqsima klinika tal-ġerjatrija, qal lil TVM li s-sitwazzjoni fid-dar hija serja imma taħt kontroll.

Dr Farrugia qal li minn 298 resident f’Dar San Ġużepp, hemm ftit iktar minn 100 anzjan li għandhom il-virus, bil-maġġoranza tagħhom għandhom fuq it-tmenin sena.

Ara wkoll:

Iserraħ moħħ il-qraba li l-ħaddiema ta’ Dar San Ġużepp fil-Fgura qed jieħdu ħsiebhom

“Is-sitwazzjoni f’Dar San Ġużepp serja imma taħt kontroll” – tabib tal-Ġerjatrija