Politika
Id-djalogu soċjali mal-imsieħba soċjali u l-pubbliku prijorità- Il-Ministru Carmelo Abela

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela dalgħodu żar l-uffiċċji tal-Aġenzija MEUSAC (Malta EU Steering Action Committee) u l-MCESD (The Malta Council for Economic and Social Development) fejn saħaq fuq l-importanza ta’ pjan ta’ ħidma ambizzjuża għal din is-sena li ġejja. Huwa qal li l-ħidma għandha tiffoka fuq il-kommunikazzjoni mal-imsieħba soċjali fuq riformi soċjo-ekonomiċi u fuq il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea maċ-ċittadini.

Fil-qasam tal-MCESD, il-Ministru semma’ l-importanza li bħala poplu nitkellmu fuq l-isfidi li l-pajjiż qed jaffaċja kemm dawk preżenti u dawk futur. Qal kif id-djalogu soċjali li jsir primarjament fi ħdan l-MCESD bejn il-Gvern, min iħaddem u r-rappreżentati tal-ħaddiema, għandu jibqa’ jwassal għal iżjed rekommandazzjonijiet fuq materji soċjo-ekonomiċi, bil-għan għal titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Fil-qasam tal-MEUSAC semma’ li din l-Aġenzija hija ferm relevanti sabiex tixpruna konsultazzjoni fuq liġijiet u direttivi mill-Unjoni Ewropea li jkunu għadhom fil-bidu, kemm ma’ entitajiet tal-Gvern u anke Ngos. B’hekk, Malta bħala pajjiż tkun tista tgħaddi rispons lill-Unjoni Ewropea u b’hekk tikkontribwixxi għat-tibdil li jkun meħtieġ, li jsir fihom.