COVID-19
‘L-Istat mhux bir bla qiegħ’ – Mons. Mario Grech b’appell lis-saċerdoti biex jagħtu donazzjoni għal ventilator

Fi żmien li l-pajjiż għaddej mill-problema tal-imxija tal-COVID-19, l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex, Mons. Mario Grech appella lis-saċerdoti f’Għawdex u lill-Għaqdiet Reliġjużi biex jagħtu l-offerta tagħhom sabiex jinxtara ventilator, ħalli dan jingħata lill-Awtoritajiet tas-Saħħa għas-servizz tal-pazjenti Għawdxin.

Fil-Jum tad-Duluri, Mons. Grech fakkar li bħalma Marija ma kenitx taf tibqa’ gallarija quddiem it-tbatija ta’ Ġesù, hekk ukoll aħna ma  nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem il-passjoni li għaddej minnha l-bniedem minħabba l-imxija tal-Covid-19. Qal li xieraq li bħad-Duluri nerfgħu ftit mill-piż ta’ bħalissa.

Mons. Grech qal li hemm min jaħseb li l-Istat għandu bir bla qiegħ. Saħaq li dan mhux minnu u qal li b’dan il-ġest ta’ solidarjetà ma’ dawk ħutna li huma f’riskju, f’din il-qagħda daqshekk prekarja u delikata, id-Djoċesi Għawdxija tixtieq tagħmel din l-offerta simbolika.

Għaldaqstant huwa għamel sejħa lis-saċerdoti tad-Djoċesi Għawdxija biex jimpenjaw ruħhom biex jagħmlu kontribuzzjoni ta’ mhux inqas minn €100 f’dan il-fond biex jinxtara ventilator li huwa stmat li jiswa madwar €50,000.

Talab ukoll lill-Kappillani, lir-Retturi, lill-Kunventi u lill-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, u lill-Għaqdiet Reliġjużi biex mill-kaxxa komuni tagħhom jagħmlu l-istess. Appella lill-Insara jkunu ġenerużi u jagħtu sehemhom f’din l-inizjattiva.

L-għotjiet jistgħu jiġu depożitati f’dan il-kont bankarju permezz ta’ online banking jew permezz ta’ Revolut:
Isem tal-kont: COVID 19
Numru tal-kont: 35452320032
IBAN: MT91APSB77013000000035452320032
Swift Code: APSB MTMT

L-għotjiet jistgħu jitħallew ukoll mal-kappillani tal-Parroċċi jew mar-retturi tal-knejjes.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar