Knisja Maltija
Id-Djoċesi t’Għawdex se tiftaħ 2 hostels għall-istudenti Għawdxin f’Malta

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ħabbar li d-djoċesi ta’ Għawdex flimkien ma’ żewġ ordnijiet reliġjużi ser jipprovdu żewġ hostels għall-istudenti waħda għall-bniet u oħra għas-subien li jiġu jistudjaw f’Malta. Il-problema tal-akkomodazzjoni speċjalment minħabba żidiet fil-kirjiet bħalissa hija waħda mill-problemi ewlenin li għandhom l-istudenti Għawdxin li jiġu jgħixu Malta biex jistudjaw.

Proġett sussidjat mid-Djoċesi Għawdxija u minn żewġ ordnijiet reliġjużi, se jipprovdi liż-żgħażagħ studenti Għawdxin li jkunu qed jistudjaw f’Malta żewġt id-djar bħala hostels waħda tal-Patrijiet Agostinjani u oħra tas-Sorijiet tas-St Joseph.

Ħabbar dan l-Isqof t’Ghawdex Mario Grech f’ittra lid-Djoċesi. L-isqof Grech qal li familji Għawdxin qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jgħinu lil uliedhom jiġu jistudjaw u jgħixu Malta fosthom il-piż tal-kera. L-Isqof Grech qal li dan ġiegħlu jibda ħidma biex isib soluzzjoni u sab il-koperazzjoni tal-Patrijiet Agostinjani u tas-sorijiet tas-St Joseph, li poġġew għad-disposizzjoni tad-djoċesi Għawdxija żewġt idjar f’Malta biex jintużaw bħala akkomodazzjoni: waħda fi Gwardamangia għall-ġuvintur u l-oħra għax-xebbiet fil-Gżira. L-isqof Grech qal li d-Djoċesi Għawdxija investiet sostanzjalment biex irranġat iż-żewġ hostels, bil-konvinżjoni li dan huwa investiment li jixraq liż-żgħażagħ Għawdxin.

L-Isqof Grech qal li “tax-xebbiet għandha seba’ kmamar u tas-subien tesa’ 14. Mhux numri kbar imma dan huwa sinjal ċkejken li qegħdin nibagħtu biex nuru s-solidarjetà tagħna u ninkoraġġixxu lil dawn ħutna biex ngħinuhom iwettqu l-ħolma ta’ ħajjithom.”

L-Isqof Grech qal li l-familji li jixtiequ jużaw dan is-servizz iridu jiktbu lid-Djoċesi u t-talbiet jitressqu quddiem bord maħtur apposta. L-Isqof t’Għawdex qal li kulħadd jista’ japplika imma tingħata preferenza lil każi fejn jirriżulta li jeħtieġu l-għajnuna.