Lokali
Id-DJs jistgħu jdoqqu mit-Tnejn li ġej – iridu jżommu l-mużika baxxa

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li mit-Tnejn li ġej, id-DJs jistgħu jerġgħu jibdew ixammru l-kmiem u jdoqqu fost oħrajn fir-restoranti u fil-bars.

Id-deċiżjoni saret magħrufa fl-aħħar protokolli tas-saħħa li ġew ippubblikati l-Ġimgħa waranofsihar mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u se jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn li ġej. Permezz tagħhom, il-mużiċisti u d-DJs għandhom jilbsu l-maskra l-ħin kollu u jżommu l-mużika baxxa bil-għan li l-udjenza quddiemhom ma jkollhiex għalfejn tersaq qrib xulxin biex tkun tista’ titkellem.

Il-protokolli jistabbilixxu wkoll li l-kantanti, il-mużiċisti u d-DJs għandhom iżommu distanza ta’ erba’ metri min-nies fl-istabbiliment minħabba n-nifsijiet. Meta din id-distanza ma tistax tinżamm, għandhom jittellgħu strutturi tal-ħġieġ jew perspex li jridu jinżammu żewġ metri ‘l bogħod mill-persuni fl-istabbiliment li fihom ikunu qegħdin idoqqu d-DJs, il-kantanti u l-mużiċisti.