Ikel
Isostni li l-kirxa u l-mazzit ta’ Malta huma ħafna aħjar minn ta’ barra

Il-Biċċerija daħlet għal investiment biex ikollha impjant għat-trattament tal-prodotti sekondarji tal-annimali.

L-impjant mistenni jitlesta fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla u se jippermetti li bih jerġgħu jidħlu fis-suq, il-kirxa u l-mazzit lokali.

Nafu li f’Malta il-mazzit u l-kirxa kienu parti mill-ikla Maltija sa minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann għaliex jinsabu f’dokumenti li jagħmlu referenza għalihom.

Saħansitra referenza għal nies li kienu jispeċjalizzaw fil-kirxa u s-sengħa tagħhom kienet li jaħdmuha – jaqlawha mill-istonku tal-bhima, inaddfuha, jgħalluha u jippreparawha għall-parruċċani.

L-istess għall-mazzit – li ghalkemm hawn minn jassoċċjah mad-demm taċ-ċanga, fil-verità it-tradizzjoni tal-mazzit Malti ttieħdet ukoll minn Sqallija.

“Fil-passat, u anke meta naraw tradizzjonijiet minn pajjiżi oħra anke fl-Italja, speċjalment fi Sqallija, hemm inkluż demm ta’ annimali oħrajn. Ċanga, majjal, nagħag u mogħoż li kienu jintużaw ukoll biex issir is-sanguinaccia, dak li aħna nafuh bħala l-mazzit, oġġett tal-ikel forma ta’ zalzett magħmul mid-demm tal-annimali”, spjega Stefan Cauchi, responsabbli mit-tmexxija tal-biċċerija.

L-użu tal-prodotti sekondarji tal-bhejjem biex isiru l-mazzit u l-kirxa ntilfu fl-aħħar snin, b’mod partikolari wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, hekk kif il-metodi ta’ proċessar li kienu jintużaw fl-imgħoddi ma baqgħux vijabbli mal-istandards meħtieġa.

Sal-lum il-parti l-kbira tal-prodotti sekondarji mill-majjal, ċanga, nagħag u l-mogħoż maqtula lokalment jinħarqu fl-impjant termali maġenb il-biċċerija fil-Marsa.

Is-sena li għaddiet intramew madwar 1,700 tunnellata ta’ materjal li parti sewwa minnu jista’ jkollu użu differenti.

U dan kollu issa jista’ jintuża bis-saħħa ta’ investiment ta’ €300,000 fil-biccerija li se jissarraf fl-ewwel impjant f’Malta għat-trattament tal-prodotti sekondarji tal-annimali.

“Illum nemmnu li hawn domanda biżżejjed kemm għall-mazzit u għall-kirxa u jekk wieħed iħares lejn makkinarju allura li qed jipproċessa mhux biss speċi waħda ta’ tip ta’ kirxa imma jista’ jipproċessa tip ta’ bhejjem differenti – majjal, nagħaġ, mogħoż u ċanga – allura l-ispejjeż jistgħu jinqasmu b’mod li jkun ekonomikament fattibli li nerġgħu nagħtu prodott li jivvalorizza dak li qed jipproduċi r-raħħal Malti”, iżid Cauchi.

Philip Muscat għandu 85 sena, illum irtirat iżda għal 15-il sena l-biċċerija kienet it-tieni dar tiegħu fejn kien jaħdem biss il-kirxa – jiftaħha, jaħsilha u jgħalliha. Jgħid li ħadd ma jħabbatha mal-kirxa Maltija.

“Mela, aħjar minn ta’ barra, ħafna ħafna. Għaliex? Għaliex ma nafx, imma kulhadd hekk jgħid”.

Tant huma parti mill-platt tajba li l-kirxa u l-mazzit daħlu wkoll fl-idjomi: Qatt ma tiekol kirxa ma’ xi ħadd li ma tafux għax jista’ jkun li fl-aħħar tal-mazzita ssib iż-żbiba u tispiċċa ħażin.

Imma l-aħjar li ssibhom – kemm il-kirxa u anke l-mazzit – huwa fil-platt – moqlija, fil-forn jew stuffat.