COVID-19
ARA: Jitħabbru tnaqqis fil-miżuri tal-attivitajiet u l-kwarantina

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar 24 siegħa ġew irreġistrati 78 każ ġdid u li bħalissa hawn 1,206 każ attiv. Spjega li 95% tal-każijiet ġodda huma l-varjant Delta, filwaqt li l-5% l-oħra huma l-varjant Brażiljan.

Huwa qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet li qed jindirizza flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci.

Tilqim

Dwar it-tilqim, Dr Fearne qal li 86% tal-adulti ħadu t-tilqima kollha u 88% ħadu l-ewwel doża. Dwar it-tfal bejn 12 u 15-il sena, 86% ħadu l-ewwel doża u 39% huma kompletament imlaqqma.

Dr Fearne ħabbar ukoll li mietet mara ta’ 88 sena wara li xi jiem ilu kienet ħarġet pożittiva għall-COVID-19.

Persuni l-isptar bil-COVID-19

Intant, Dr Fearne qal li  bħalissa hemm 35 persuna pożittivi għall-COVID-19 jieħdu l-kura f’Mater Dei. Spjega li erbgħa minnhom jinsabu fl-ITU, bi tlieta minnhom mhux imlaqqma kontra l-imxija, fosthom mara tqila. Il-persuna l-oħra li hi mlaqqma tbati minn kundizzjoni.

Dr Fearne osserva li f’Diċembru li għadda meta kellna l-istess ammont ta’ każijiet pożittivi kien hemm 160 persuna l-isptar jieħdu l-kura. Spjega li llum, grazzi għall-vaċċin, hemm 35 persuna l-isptar.

Attivitajiet

F’dan l-isfond, Dr Fearne qal li mhux meħtieġ li jiżdiedu r-restrizzjonijiet anzi jistgħu jitnaqqsu wħud. Tkellem dwar l-attivitajiet li bħalissa jistgħu jattendu għalihom nies bit-tiqlima fi cluster ta’ 200 ruħ.

Dr Fearne qal li mis-16 t’Awwissu, il-cluster se jitla’ sa 300 ruħ. Spjega li se jibqa’ l-istess protokol li huwa nies bilqiegħda,bid-distanza soċjali, u maskli u nies li jattendu jridu jkunu mlaqqma.  Ħmistax wara, minn 30 t’Awwissu, in-numru ta’ cluster jitla’ għal 500.

Fi tweġiba għal domanda tal-ġurnalisti Dr Ferne spjega li f’attivitajiet li fihom jistgħu joqogħdu n-nies bilwieqfa, ma tistax tinżamm id-distanza soċjali. Għaldaqstant, bi prudenza għall-virus, l-attivitajiet li jistgħu jsiru bħalissa jridu jkunu bin-nies bilqiegħda. Spjega li dan ma jfissirx li attivitajiet tal-massa (standing events) mhux se jsiru aktar.

Restrizzjoni oħra li tista’ tonqos hija dik ta’ persuna li tkun f’kuntatt ma’ persuna pożittiva. Sal-lum wieħed huwa obbligat li jagħmel 14-il ġurnata kwarantina. Mis-16 t’Awwissu, dawk li għandhom ċertifikat tat-tilqim u jkunu f’kuntatt ma’ persuna pożittiva minflok jagħmlu 14-il ġurnata jagħmlu kwarantina ta’ 7 ijiem. Spjega li l-persuna pożittiva u dawk li jgħixu magħha jridu jagħmlu kwarantina ta’ 14-il ġurnata.

Dwar il-kwarantina, is-Supretendent tas-Saħħa Prof Charmaine Gauci spjegat li dawk li issa se jibdew josservaw kwarantina ta’ 7 ijiem, se jkollhom jagħmlu appuntament għal swab test online. Spjegat li magħhom iridu jieħdu l-ittra li tgħid li kellhom jagħmlu l-perjodu ta’ kwarantina, iċ-ċertifikat tal-vaċċin u l-ID Card.

Tilqima għan-nisa tqal

Dwar it-tilqima għan-nisa tqal, Dr Fearne qal li qed isegwu dak li għaddej u kellu diskussjonijiet mal-ispeċjalisti. Spjega li qabel, minħabba li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni, il-parir kien li ma jiħdux it-tilqima. Qal li jidher li r-riskju li jekk ma tiħux it-tilqima, kemm għall-omm u anke tarbija huwa aktar milli meta ma teħodhiex. Għalhekk, dawk in-nisa, li huma fit-tieni u t-tielet trimestru tat-tqal a(jiġifieri mit-13-il ġimgħa ‘l hemm) fuq parir tat-tabib tagħhom jistgħu jitlaqqmu.

Booster tal-vaċċin

Dwar il-booster, Dr Fearne qal li s’issa ma jidhirx li qed tonqos l-immunità tal-vaċċin anke min ħadu fil-bidu. Qal li hemm persuni li jbatu minn xi kundizzjonijiet li jkollhom ħtieġa tal-booster.

Spjega li d-deċiżjoni meħuda s’issa, hi li min-nofs Settembru se jagħtu booster dose waħda lill-persuni li huma meqjusa li jista’ jkollhom kumplikazzjonijiet kbar u huma f’aktar riskju minkejja li jkunu ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin. Ma’ dawn se jingħataw booster ukoll lir-residenti tad-djar tal-anzjani. Spjega li r-residenti fid-djar tal-anzjani se jingħataw tilqima fir-residenza filwaqt li l-oħrajn se jingħataw appuntament.

Dwar il-persuni immuno compromised, De Fearne qal li huma persuni li qed jieħdu xi kura jew xi mediċini. Spjega li l-awtoritajiet tas-saħħa jafu min huma dawn in-nies għax jieħdu l-kura fl-Isptar u li dawn in-nies se jkunu qed jirċievu l-istedina għall-booster.

Żied jgħid li s’issa m’hemmx indikazzjoni li għall-kumplament tal-popolazzjoni hemm bżonn li jingħata l-booster tal-vaċċin. Dan ifisser li hemm mal-15,000 persuna li se tieħu l-booster.

Indirizzat ukoll il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci. Hija tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-iskejjel tal-Ingliż. Spjegat li ġew irreġistrati mas-700 każ pożittiv fost studenti tal-Ingliż. Qalet li bħalissa dawn jistgħu jaħdmu jekk l-istudenti li jaslu Malta jkunu ħadu l-vaċċin. Spjegat li l-maġġoranza tal-każijiet pożittivi matul ix-xahar li għadda kienu persuni li qed jivjaġġaw lejn Malta. Tkellmet ukoll dwar il-vaċċin u nnotat li ma jfissirx li min ikun tlaqqam ma jistax joħroġ pożittiv għall-virus.

Dwar il-vaċċin nanocovax, Dr Fearne qal li l-Unjoni Ewropea għandha ftehim mal-kumpanija għal 200 miljun doża. Spjega li Malta wkoll għandha tilqim ibbukkjat ma’ din il-kumpanija għalkemm mhux se tkun qed tingħata b’mod immeddjat għax għandna biżżejjed tilqim.