Lokali
Mill-24 ta’ Mejju jiftħu l-pixxini u l-gyms – ara liema miżuri oħra se jiġu rtirati

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci dalgħodu indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-miżuri tal-Covid-19, fejn ħabbru kif dawn se jkunu qed jiġu rtirati pass pass matul il-ġimgħat li ġejjin.

Min-nhar it-Tnejn li ġej se jidħol fis-seħħ ir-rilassament tal-miżuri mħabbra qabel, fosthom li se jerġa’ jibda l-isports professjonali u dak fejn m’hemmx kuntatt, kif ukoll se jinfetaħ mill-ġdid l-ivjaġġar bejn il-gżejjer Maltin. Ir-restoranti u snack bars se jitħallew ukoll jiftħu sal-5.00pm b’imwejjed ta’ mhux iktar minn 4 persuni.

Id-DPM Fearne ħabbar li l-maskri se jibqgħu obbligatorji f’postijiet pubbliċi, bl-eċċezzjoni tal-bajjiet u l-pixxini. Minħabba li maskra mxarrba mhux effettiva, din tista’ ma tintlibisx fuq il-bajjiet, għalkemm hija xorta waħda rakkomandata.

Fis-17 ta’ Mejju se jkun hemm rilassament ta’ restrizzjonijiet oħra, fosthom fid-djar tal-anzjani, fejn se jkunu permessi iktar viżitaturi.

Mill-24 ta’ Mejju dawn se jkunu jistgħu jibqgħu miftuħin sa nofsillejl, filwaqt li l-pixxini li sa dakinhar ikunu magħluqin, se jitħallew jiftħu sat-8.00pm, mingħajr parties jew attivitajiet oħra. Se jitħallew jiftħu wkoll il-gyms, mingħajr klassijiet, u se jitħalla jibda l-isport ta’ kuntatt għal dawk minn 17-il sena ‘l fuq. Se jinfetħu wkoll iċ-ċentri ta’ matul il-jum.

Mill-1 ta’ Ġunju huwa ppjanat li jinfetaħ il-pajjiż għat-turiżmu b’mod kawt, fejn it-turisti jridu jkunu ħadu t-tilqima jew ikollhom test negattiv għall-Covid. Fl-istess data jinfetħu l-iskejjel tal-lingwa għall-barranin, u jkunu jistgħu jsiru tiġijiet b’100 persuna ġewwa u sa 300 barra.

Fis-7 ta’ Ġunju r-restoranti jkunu jistgħu jżidu l-persuni fuq l-imwejjed, jiftħu l-każini u l-bars, l-iskejjel tas-sajf, u jkun jista’ jibda l-isport tat-timijiet, fost l-oħrajn.

Imbagħad, fit-28 ta’ Ġunju, se jiftaħ l-isports għat-tfal kollha taħt is-17-il sena, bid-DPM Fearne jgħid li r-raġuni għal din id-data kienet li l-iskejjel ikunu magħluqin u l-istudenti jkunu lestew l-eżamijiet.

‘Il quddiem jista’ jkun li jitħallew isiru attivitajiet tal-massa, fejn jista’ jkun li dawk li jattendu jkunu obbligati li jippreżentaw ċertifikat tat-tilqima. Sostna li dawn l-attivitajiet mhux maħsub li jitħallew isiru lejn il-bidu tas-sajf.

Id-DPM Fearne qal li, fost oħrajn, l-awtoritajiet se jkunu qed jitkellmu mal-Kurja biex ikun stabbilit kif il-festi jkunu jistgħu jsiru b’mod sigur u mhux bil-mod tradizzjonali.

Is-Supretendent tas-Saħħa Prof. Gauci qalet li r-rata ta’ każi pożittivi hija ta’ 1.2%, li hija waħda tajba.

Fir-rigward tal-isports, Prof Gauci spjegat li min-nhar it-Tnejn hemm tliet kategoriji ta’ sports li se jitħallew jibdew, li huma l-isport rikreattiv sa massimu ta’ erba’ persuni, sport organizzat li mhuwiex ta’ kuntatt, ukoll b’massimu ta’ erba’ persuni, fejn il-persuni jridu jżommu distanza bejniethom ta’ 3 metri ġewwa u 2.5 metri barra, u l-isport ta’ kuntatt biss bejn atleti professjonali għal dawk li qed jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet.

Tista’ ssegwi l-konferenza tal-aħbarijiet sħiħa hawn: