Lokali
Id-Dragonara b’investiment ta’ €10 miljun f’faċilitajiet ġodda

Il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija, u Dragonara Gaming Limited iffirmaw ftehim ġdid għall-konċessjoni ta’ casino. Ftehim, li mistenni jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu li ġej.

Dan il-ftehim kien konkluż wara sejħa internazzjonali għal proposti, maħruġa mit-Taqsima tal-Privatizzazzjoni aktar kmieni din is-sena.

Matul il-perjodu ta’ din il-konċessjoni, Dragonara Gaming Limited se tinvesti total ta’ għaxar miljun ewro f’teknoloġija, sistemi u tagħmir ġdid bl-għan li tkompli tipprovdi esperjenza tal-aqwa kwalità għall-klijenti tagħha.

Il-kumpanija ilha topera b’suċċess id-Dragonara Casino sa minn Ġunju tal-2010, wara li kienet rebħet sejħa internazzjonali u kisbet liċenzja biex topera l-casino mill-Awtorità Maltija għal-Logħob.

Matul is-snin li ġejjin, id-Dragonara Casino u l-artijiet tal-madwar se jiġu żviluppati u restawrati, filwaqt li se jkunu introdotti kunċetti ġodda ta’ divertiment biex jikkumplimentaw l-operat tal-casino u biex isir l-aħjar użu mill-potenzjal tal-peniżola tad-Dragonara.