Lokali
Id-dritt għal-libertà tar-reliġjon qed jinkiser f’terz tal-pajjiżi madwar id-dinja

Id-dritt għal-libertà tar-reliġjon huwa wieħed mid-drittijiet tal-bniedem skont in-Nazzjonijiet Magħquda. Għal miljuni ta’ persuni ta’ reliġjonijiet differenti madwar id-dinja llum qed isofru aktar minn qatt qabel għax dan id-dritt qed jinkisrilhom. Rapport tal-Aid to the Church in Need dwar il-libertà reliġjuża fid-dinja juri li din il-libertà qed tinkiser f’terz tal-pajjiżi madwar id-dinja fejn jgħixu 5,200 miljun persuna.

Kważi sebgħa minn kull għaxar persuni fid-dinja jgħixu f’pajjiżi fejn qed tinkiser il-libertà reliġjuża. Mir-Rapport tal-Aid to the Church in Need dwar il-libertà reliġjuża fid-dinja, jirriżulta li aktar minn ħames biljun persuna f’terz tal-pajjiżi fid-dinja għandhom il-libertà reliġjuża tagħhom mhedda. Dan qed iseħħ fi 62 pajjiż, l-agħar fosthom il-Bangladesh, iċ-Ċina, l-Indja, in-Niġerja u l-Pakistan.

Skont l-għaqda Aid to the Church in Need, ir-realtà hi li l-libertà reliġjuża tinsab mhedda iktar minn qatt qabel. Id-Direttur Nazzjonali tal-Aid to the Church in Need, Stephen Axisa, qal li l-persekuzzjoni żdiedet u qed tiżdied.

“Fosthom minħabba dak li ngħidulu t-tixrid iktar tal-kalifat. Illum qed naraw dak li ngħidulu cyber-caliphate fejn qed jintuża l-internet sabiex jintlaħqu iktar nies fil-Punent u jiġu radikalizzati.”

Is-Sur Axisa semma wkoll l-oppressjoni, inkluż dik sesswali, bħala forma oħra ta’ persekuzzjoni. Ir-rapport iħares lejn ir-reliġjonijiet kollha. Il-pandemija tal-COVID-19 ukoll kellha impatt fuq id-dritt tal-libertà reliġjuża. Gruppi ta’ minoranzi reliġjużi f’pajjiżi bħall-Pakistan u l-Indja tħallew mingħajr affarijiet bażiċi bħal maskri u sanitizers, li pprovdithom Aid to the Church in Need.

B’din ir-riċerka li toħroġ kull sentejn, Aid to the Church in Need, tkun tista’ tfassal ħidmietha skont il-bżonn.

Is-Sur Axisa qal li l-fergħa tal-għaqda f’Malta taħdem biex iżid l-għarfien dwar is-sitwazzjoni drastika ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Bl-għajnuna tal-Maltin, tagħmel ukoll diversi proġetti.

“Pereżempju s-sena l-oħra konna qed nagħmlu proġett biex nissapportjaw 20 seminarista f’Dunka l-Indja. Diversi appostolati ta’ sorijiet biex ikomplu jistudjaw f’diversi pajjiżi fl-Afrika bħal The Sisters of the Poor.”

ACN Malta, li ilha mwaqqfa seba’ snin, bħalissa qed taħdem fuq diversi proġetti speċjalment fl-Afrika. Hija wkoll ta’ spalla għal missjunarji Maltin u Għawdxin fil-proġetti varji li jkunu qed iwettqu madwar id-dinja.