Id-drittijiet tal-annimali qegħdin jiġu kunsidrati?

Għalkemm nisimgħu b’għarfien estensiv dwar id-drittijiet tal-annimali, xorta hawn min għadu jħoss li għandu xi jedd fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ annimal. Popolin iddiskuta l-moħqrija fuq l-annimali u l-avvanzi li hemm bżonn isiru f’dan ir-rigward.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali, Alison Bezzina spjegat li għalkemm fejn tidħol il-liġi u l-ideat tagħna bħala poplu aħna pjuttost avvanzati meta komparati ma’ pajjiżi oħra, meta wieħed janalizza l-infurzar li jsir nindunaw li għad baqalna ħafna fejn navvanzaw; “liġi perfetta, bla infurzar ma tiswa’ għal xejn”. Minn naħa l-oħra Ariane Aquilina, attivista tal-annimali minn Time For Change spjegat li n-nuqqas ta’ edukazzjoni qed twassal biex sidien ta’ annimali ma jifhmux x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin għall-benessere ta’ dak l-annimal. Saħqet li qattus jew kelb mhux kemm ikollu saqaf fuq rasu, x’jiekol u x’jixrob.

F’Malta smajna b’diversi każijiet ta’ moħqrija, fosthom klieb li ġew msabbta ma’ kamodina reat li tiegħu sid il-kelb weħel sentejn ħabs u multa ta’ ħamest elef ewro. Każ ieħor irraportat huwa dak ta’ raġel Malti li kien fi triqtu lura lejn Malta minn Reggio Calabria, fil-vettura tiegħu nstabu mal-elf għasfur protett. Persuna oħra ġiet mixlija li kienet qed trabbi numru ta’ klieb f’sit ta’ kostruzzjoni mingħajr ma’ kellhom kenn mix-xemx u x-xita, l-persuna ġiet rapportata minn xi persuna li jgħixu fil-viċin wara li ma felħux iktar jisimgħu l-karba tal-klieb inkwistjoni.

F’dawn l-aħħar jiem tħabbar li l-Gvern qed jipproponi li l-Qorti jkollha s-setgħa li tipprojbixxi lill-persuni li jinstabu ħatja b’moħqrija tal-annimali milli jkollhom annimali oħra, jew jgħixu fl-istess saqaf ma’ annimal, b’mod temporanju jew permanenti.

Mistoqsi mill-preżentatur għaliex għadu jsir dan l-abbuż fuq l-annimali, Bezzina saħqet li r-raġuni primarja hija n-nuqqas ta’ għarfien. Żiedet tgħid li hemm bżonn ta’ iktar infurzar b’saħħtu fejn anke jixxandru l-persuni li jkunu wettqu dawn ir-reati biex b’hekk tiżdied ir-responsabbiltà meta wieħed jagħżel li jrabbi xi annimal.