Droga
Id-droga moħbija mal-banana hi l-aktar diffiċli biex tinstab

Is-seba’ mija u erbgħin kilo droga kokaina li nqabdu dan ix-xahar f’kontejner fil-Port Ħieles ma kinux biss l-akbar qabda ta’ droga f’daqqa li qatt għamlet id-Dwana ta’ Malta.

Fi kliem id-direttur ġenerali tad-dipartiment, Joseph Chetcuti, b’din is-sejba d-Dwana rreġistrat numru ta’ kisbiet ġodda fosthom li għall-ewwel darba f’Malta nstabet droga moħbija fi frotta li s-soltu diffiċli tintraċċa l-kokaina fiha minħabba li t-tnejn huma organiċi.

Aġenziji tal-infurzar jikkunsidraw qabda ta’ droga moħbija fil-banana bħala suċċess kbir. Diversi raġunijiet jagħmlu kunsinni tal-banana ideali għat-traffikanti biex jilħqu l-għanijiet tagħhom. Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, Joseph Chetcuti, stqarr li għall-uffiċċjali tal-infurzar, dan hu l-aktar prodott diffiċli biex isibu d-droga moħbija, anke bl-użu tal-aktar tagħmir sofistikat.

“Meta wiehed jieħu image bl-iscan. L-iscan jurik il-figuri tal-oġġetti li hemm ġew u anke l-komponenti tal-materjali, hux metalli, organiku. Il-banana hi organika. Il-kokaina hi organika wkoll. Allura se jaghtik l-istess kulur”, qal Joseph Chetcuti, id-Direttur Ġenerali tad-Dwana.

Żied jgħid li l-forma nofs qamar u l-mod kif tkun ippakkjata fil-kaxxi jtellfu ħafna l-iscans li jittieħdu billi jirriżultaw f’ħafna sinjali li jtellfu ħafna. Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana stqarr li huma dawn iċ-ċirkustanzi li jagħtu ħafna sodisfazzjon lill-uffiċċjali meta jirnexxielhom jagħmlu sejba bħal dik tal-bidu ta’ dan ix-xahar fil-Port Ħieles. Spjega li f’dan il-każ, s-740 kilo kokaina kienet moħbija f’numru żgħir mill-kaxxi tal-banana li kien hemm f’container wieħed tal-erbgħin pied. Dan kien wieħed minn konsenja ta’ għaxar containers banana li tniżżlu Malta fi triqithom mill-Ekwador għas-Slovenja.

“Container wieħed minn konsenja ta’ għaxar containers. Mela għandek 10 containers tal-40. Kull container ikollu 1,080 kaxxa banana. Mela f’dan il-każ kellna 1,800 għal 10 – 18,000 kaxxa banana. dik id-droga li nstabet – tliet kwarti ta’ tunellatya – kienet biss f’37 kaxxa minnhom. Ammont kbir ta’ kaxxi li x’ħin tibda teżamina u ma ssib xejn, ma ssib xejn, ma ssib xejn, ikollok it-tentazzjoni li taqta’ qalbek. Jiġifieri kien hemm dawn l-elementi kollha. Il-fatt li rnexxielna b’dawn l-elementi kollha kontrina kienet ta’ sodisfazzjon kbir”, qal id-Direttur Ġenerali tad-Dwana.

Is-Sur Chetcuti rrimarka li t-traffikar tad-droga mal-merkanzija jidher li qed isegwi xejra fejn, minflok ma jintbagħtu ammonti żgħar f’diversi containers, ikollok ammont sostanzjali f’container wieħed. Iċ-ċentru tal-aħbarijiet staqsa lid-Direttur Ġenerali tad-Dwana x’jiġri mid-droga li tinqabad.

“Tibda inkjesta bil-Maġistrat. Meta l-atti tal-inkjesta jingħalqu, il-qorti tiddeciedi li d-droga tigi meqruda billi tinħaraq, taħt ghajnejn l-esperti tal-qorti li jkunu spiżjara u esperti fornesiċi u l-qorti tara li tinqered kollha.”

Fl-aħħar tliet snin u nofs, il-valur tad-droga li qabdet id-Dwana laħħaq il-€290 miljun . . . fil-maġġoranza minn żewġ qabdiet li saru fl-aħħar sitt xhur. Terz ta’ dan l-ammont, jew €100 miljun, hu l-valur tal-kokaina li nqabdet kmieni l-ġimgħa l-oħra. €70 miljun oħra kienu nstabu f’container wieħed f’Diċembru li kien fih 612-il kilo kokaina moħbija f’pallets li kienu qed iġorru żejt tat-tisjir.