Ippjanar u bini
Id-drones strumentali biex tiġi aġġornata l-mappa ta’ Malta u Għawdex

L-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda taġġorna l-mappa ta’ Malta u Għawdex permezz ta’ sistema ġdida teknoloġika li tuża d-drones.

B’din is-sistema, l-Awtorità qiegħda żżomm il-mappa aġġornata bit-tibdil li jsir fil-bini, it-toroq u ż-żoni ambjentali madwar Malta u Għawdex.

Din l-għodda teknoloġika qed tintuża biex tgħin lil entitajiet varji jiksbu tagħrif b’iktar reqqa u realistiku dwar il-gżejjer Maltin.

Bil-proġett tal-Awtorità tal-Ippjanar b’investiment ta’ €7 miljun Ewro f’fondi Ewropej, l-awtorità bniet mappa ġdida tal-gżejjer li hija dettaljata ferm iktar minn dik ta’ qabilha.

Bid-drones, l-Awtorità qiegħda tieħu ritratti iktar ċari tal-pajsaġġi madwar Malta u Għawdex. Omar Hili li huwa reponsabbli mit-teknolġija li qiegħda tintuża għal dan il-proġett, spjega kif permezz tad-drones, jittieħdu ritratti li imbagħad minnhom tiġi analizzata l-art u l-bini.

“Qegħdin nużaw id-drones, għax huma teknoloġija aktar aċċessibbli u nkunu nistgħu ntiru aktar frekwenti biex niġbru din l-informazzjoni. Bażikament li nagħmlu huwa li mid-data li niġbru mid-drones nibnu l-mudell 3D, fejn dak il-mudell naraw id-differenza mill-mudell tal-bażi tal-2018, kif naraw id-differenza inkunu nafu l-aġġornamenti li rridu nagħmlu fuq il-basemap.”

Wara li jittieħdu r-ritratti permezz tad-drones, it-tim ta’ Antonello Rizzo Naudi huwa responsabbli mill-iżvilupp ta’ din il-mappa dettaljata minħabba li fihom iktar informazzjoni dwar il-pajsaġġ tal-gżejjer Maltin.

“L-informazzjni ġiet mibnija hekk, jekk hijiex parti minn triq, jekk hijiex binja, jekk hijiex terrain, anki jekk hija art artficjali. Imbaghad għandek it-tipa, jekk hijiex binja, moll, ġibjun, għalqa.”

Is-sur Rizzo Naudi spjega kif il-basemap il-ġdida tagħti wkoll l-għoli ta’ binja, mil-livell tal-baħar. Il-mappa li tiġi aġġornata kontinwament, u tista’ tintuza minn diversi entitajiet, tista’ tiġi aċċessata minn fuq il-geoserver tal-Awtorità tal-Ippjanar.