COVID-19
Id-drummer tal-Offspring imwaqqaf minn ‘tour’ għax ma ħax il-vaċċin

Id-drummer tal-grupp Amerikan Offspring qed jallega li l-grupp waqqfu milli jieħu sehem fit-‘tour’ li se jibdew daqt fl-Istati Uniti għax ma jridx jieħu t-tilqima tal-Covid.

Pete Parada, li ilu fil-grupp mill-2007, qed jinsisti li t-tabib qallu biex ma jieħux it-tilqima għax skontu din tista’ tkun ta’ dannu milli ta’ ġid.

Parada ilu mindu kien tifel ibati mill-kundizzjoni Guillan-Barrè fejn is-sistema immunitarja tikkaġuna ħsara lin-nervituri.

Huwa ħa l-Covid madwar sena ilu, fejn kellu sintomi ħfief, u jemmen li jekk jerġa’ jlaqqat il-virus ma jagħmillux ħsara waqt li jibża’ li jekk jieħu t-tilqima u jimrad bil-virus jista’ jkun fatali.

“M’għandi xejn kontra l-bqija tal-membri tal-grupp. Huma qed jagħmlu dak li jemmnu li huwa l-aħjar għalhom u jien l-istess”, żied Parada.