Waqt il-Kafé
Id-Dwal tal-Milied: Kmieni jew Le?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Issib min għadu jgerger… Imma kif diġà xegħlu d-dwal tal-Milied meta għadu x-xahar tal-mejtin? Huwa veru li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin nixgħelu kmieni. Imma ma nara ebda ħsara f’dan kollu.

X’differenza se tagħmel lill-erwieħ jekk nixgħelux f’Novembru jew f’Diċembru? Wara kollox, fiċ-ċimiterji ċipress ikun hemm, mhux siġar tal-Milied. U ċ-ċipress li jixgħeluhx. Imma ħallina miċ-ċajt…

Il-Milied qiegħed isir aktar kummerċjali. Veru. U ħażin jekk ninsew it-tifsira ewlenija tal-Milied. Imma mbilli jinxtegħlu d-dwal minn xahar qabel, ma nara xejn ħażin fiha.

Jien il-Milied inħobbu ħafna u l-atmosfera tiegħu ma ddejjaqni qatt, lanqas f’Novembru. U jekk id-dwal jinxtegħlu qabel biex jgħinu lill-kummerċ, ma nara xejn ħażin fiha lanqas. Jixtri min irid imma d-dwal igawdihom kulħadd, min jixtri u min le.

Id-“dawl” tal-Milied beda fil-Ġermanja fis-seklu tmintax bil-mixgħela tax-xemgħa, li għal dak iż-żmien kien mezz li ma kienx jiflaħ għalih kulħadd. Kienet tradizzjoni tas-sinjuri li wara l-ikla tal-Milied, jinġabru madwar is-siġra tal-Milied armata bix-xemgħa, jixgħeluhom, ikantaw l-għanjiet u jiftħu r-rigali.

Meta kien ivvintat l-elettriku, ċertu Edward Johnson kien għamel tmien bozoz jixgħelu flimkien fuq wire wieħed. Maż-żmien il-kunċett żviluppa aktar, id-dwal bdew iteptpu, in-numru tal-bozoz kiber u d-dawl tal-Milied sar inqas għali fil-prezz biex illum sar xi ħaġa komuni f’kull dar, fis-salotti u fit-twieqi.

B’dawn id-dwal bdew jinxtegħlu t-toroq u filgħaxijiet isiru qishom bi nhar. Toroq prinċipali f’Malta u barra tarahom u jkun fihom għaxqa. Tara l-oriġinalità u l-kreattività ta’ dawk li jiddisinjawhom b’mod tassew artistiku biex idaħħluk fl-atmosfera tal-festi.

Sa ftit snin ilu, madwar l-Ewropa d-dwal bdew jinxtegħlu xahar eżatt qabel il-Milied jiġifieri fil-25 ta’ Novembru meta jiftħu l-maġġoranza tas-swieq tal-Milied. U f’dawn l-aħħar snin qegħdin jinxtegħlu anki qabel dik id-data… anki t-toroq f’pajjiżna.

X’fiha ħażin li tara toroq sbieħ u speċjalment it-tfal, wiċċhom aħmar jixgħel u mistagħġeb bil-ġmiel ta’ dwal jiżfnu, imgezzin fil-ħwejjeġ tas-suf u jżommu xi rigal sabiħ li xtaqu? Le, le… jibda meta jibda… il-Milied inħobbu wisq! Huwa l-uniku żmien li jġiegħlni nsir tifel mill-ġdid… meta fis-sempliċità tal-ħajja kollox kien sabiħ u inkwiet ma kontx naf xi jkun…

Aħbarijiet Oħra
Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Lokali

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ħabbar skema għal sajjieda biex jiġbru l-iskart tal-plastik li jinqabad fix-xbieki tagħhom minn qiegħ tal-baħar. Is-sajjieda ser jiġu kkumpensati għal plastik li jinġabar minnhom. Qal li…

Aktar