Lokali
RITRATTI: Id-Dwana taqbad pakketti bi droga u flus foloz fil-posta

Id-Dwana rrappurtat li l-ġimgħa li għaddiet uffiċjali tagħha stazzjonati fil-kwartieri tal-Posta f’Ħal Qormi interċettaw żewġ pakketti b’sustanza ta’ droga (ritratt).

Fi stqarrija, id-Dwana qalet li f’pakkett li orġina mill-Kanada kien hemm 12-il borża b’marijuana u żewġ pakketti b’pilloli. Intqal li dan il-pakkett kien indirizzat lil raġel minn Birżebbuġa li tliet ġimgħat ilu tressaq il-Qorti wara li rċieva pakkett ieħor li kien fih id-droga.

F’envelopp ieħor indirizzat lil persuna li toqgħod fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, instabet borża tal-plastik b’sustanza li jidher li hi marijuana.

F’pakkett ieħor li wasal miċ-Ċina, l-uffiċjali tad-Dwana sabu aktar minn $100,000 foloz.

B’dawn is-sejbiet ġew infurmati l-Pulizija li qed jissoktaw bl-investigazzjonijiet.

Intant, id-Dwana qalet li ssukktat b’infurzar fuq sigaretti tal-kutrabandu. Il-ġimgħa li għaddiet inqabdu 4,200 sigarett tal-kutrabandu bi ftit aktar minn nofshom inqabdu fl-ajruport qabel iddaħħlu Malta u l-kumpalment minn ħwienet f’San Ġiljan, Raħal Ġdid u Ħaż-Żebbuġ.