Lokali
Iddaħħal id-droga fil-ħabs f’condom

Maria Cassar ta’ 27 sena minn Birżebbuġa ntbagħtet 8 xhur ħabs u ġiet immultata €900 wara li nstabet ħatja li daħlet l-eroina fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Hija ħbiet id-droga f’condom u tefgħetu fil-parti privata tagħha.

Il-każ seħħ nhar is-6 ta’ Ġunju, 2010 meta hija marret tara lill-għarus tagħha Maximilian Ciantar, fid-diviżjoni tal-prinġunieri ż-żgħar.

Espert tal-Qorti stabilixxa li fil-condom kien hemm 0.16 gramma eroina u li kienet 15% pura.

Fix-xhieda tagħha, it-tfajla qalet li kien Ciantar li ġiegħlha ddaħħal id-droga. Qalet li kien taha numru ta’ mowbajl u qalilha biex tixtrilu bi €30 eroina u ġġibhielu fil-ħabs.

Hija qalet li l-għarus tagħha kien attakkaha diversi drabi imma qatt ma marret l-isptar. Missierha xehed li ġieli ralha tbenġil fuq bintu imma qatt ma qaltlu li kienet tiġi msawta. Qraba oħra xehdu li Ciantar kien jittratta ħażin lil Maria Cassar u ġieli hedded lil missierha.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras sabet lil mara ħatja. Hija ħadet f’konsiderazzjoni li t-tfajla għandha kondotta nadifa u minkejja li ma ammettietx l-akkużi hija kkoperat mal-Pulizija. Hija ħadet f’konsiderazzjoni wkoll li kellha ammont żgħir ta’ droga u li kienet waqfet tieħu d-droga. Fl-istess ħin hija saħqet li dan huwa każ serju għax ipprovat iddaħħal id-droga f’post ta’ rijabilitazzjoni.