Lokali
“Iddeċidejna li f’Santa Marija nagħtu tislima xierqa xorta lill-patruna ta’ Malta”

Malli bdew jitħabbru d-dettalji u r-restrizzjonijiet fuq il-festi minħabba l-pandemija, il-kmamar tan-nar u l-każini tal-baned ta’ diversi ibliet u rħula kellhom ibiddlu l-pjani tagħhom. Żorna l-Qrendi u l-Mqabba li fil-festa ta’ Santa Marija normalment huma magħrufa għan-nar li jkollhom.

Nhar Santa Marija l-lokalitajiet li normalment huma magħrufa għan-nar din is-sena kellhom atmosfera totalment differenti mis-snin ta’ qabel. Għalkemm f’xi lokalitajiet xorta sar xi ftit nar, it-tama fost dawk li jaħdmu n-nar kienet li din is-sitwazzjoni ma ttulx u sena oħra jkunu jistgħu jgawdu l-festa b’mod sħiħ.

Mario Zerafa mill-Għaqda tan-Nar tas-Soċjetà Mużikali Santa Marija Qrendi qal li l-programm tan-nar tnaqqas ħafna din is-sena, iżda xorta nħass il-bżonn li titfakkar din il-festa, anke jekk bi ftit nar. “Bqajna għaddejjin bil-ħidma tagħna, forsi b’ritmu iktar kajman, mhux dak l-ispeed li konna għaddejjin bih qabel, imma ddeċidejna li f’Santa Marija nagħtu tislima xierqa xorta lill-patruna ta’ Malta.”

Il-ġirien fl-Imqabba sibniehom wkoll jarmaw għall-programm tagħhom.

“Aħna konna bdejna normali bħal snin oħrajn pero mbagħad inqala’ li nqala’ u xorta ppreparajna xi ħaġa biex fil-festa nagħmlu l-ħoss tagħna bħas-soltu u fl-istess ħin tkun pruvajt mix-xogħol li tkun qed tagħmel…. Nisperaw li s-sena d-dieħla jkun kollox normali hux.”

Ir-restrizzjonijiet minħabba l-coronavirus laqtu wkoll s-soċjetajiet mużikali u għalhekk il-baned. Bernard Bezzina, Segretarju tas-Soċjetà Filarmonika Nicolo’ Isouard il-Mosta qal li din kienet sena straordinarja li matulha l-affarijiet bdew jinbidlu minn mument għall-ieħor sakemm waslu f’punt li ma setgħu jsiru l-ebda marċijiet u daqq tal-baned.

“Matul dawn ix-xhur li konna magħluqin, anke bħala każin fiżikament kien magħluq bħall-ħwienet u l-każini u r-ristoranti eċċ, il-ħdima ma waqfitx, il-kumitat u membri u kummissjonijiet baqgħu kif setgħu… tagħlim tal-mużika baqa’ għaddej online l-istess ħaġa.”

Is-Sur Bezzina qal li s-Soċjetà issa qed taħdem biex tiċċelebra l-150 anniversarju mit-twaqqif tas-soċjetà s-sena d-dieħla. Hu wkoll wera t-tama li l-imxija tkun għaddiet u jkunu jistgħu jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet b’mod xieraq.

Aħbarijiet Oħra

Raġel Franċiż ta’ 23 sena li joqgħod is-Swieqi weġġa’ serjament wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu waqa’ f’San Ġiljan. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq Santu Wistin għall-ħabta tal-4.00am. Il-Pulizija tad-Distrett…

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu vettura ġdida biex tagħmilha iktar possibbli biex jiġu salvati nies jekk jinqala’ xi inċident f’bini għoli. Il-vettura nxtrat mill-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif fl-aħħar snin żdiedu l-binjiet…

Mart il-President ta’ Malta, is-sinjura Miriam Vella qalet li tifhem eżatt il-bżonn ta’ iktar għarfien fuq il-kanċer tas-sider għax tilfet lill-ommha b’dan il-kanċer. Is-sinjura Vella din is-sena hija l-Patruna tal-kampanja…

Aktar