Lokali

AĠĠORNAT: Iddeferit għall-ġimgħa d-dieħla s-smigħ tas-7 appelli dwar il-Panama Papers

Imħollija għal ġimgħa oħra d-deċiżjoni dwar it-talba tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex l-Imħallef Antonio Mizzi jirrikuża ruħu u ma jismax l-appelli li saru, fosthom mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma ssirx inkjesta oħra dwar l-allegazzjoni ta’ ħasil ta’ flus.

Fil-Qorti, l-avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-Kap tal-Oppożizzjoni talab li l-proċeduri fuq t-talba tiegħu jinstemgħu quddiem il-ġurnalisti. L-avukati tal-Prim Ministru u tas-sitt appellanti l-oħra, talbu żmien biex jippreżentaw sottomissjonijiet tagħhom dwar talba biex is-smiegħ isir b’mod pubbliku.

L-Imħallef Antonio Mizzi iddeferixxa s-smigħ tas-seba’ appelli għall-ġimgħa d-dieħla.

B’reazzjoni għal dan, il-Partit Nazzjonalsita qal li l-Prim Ministru qed jagħmel minn kollox biex itawwal dal-proċess.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista qal li huwa Dr Busuttil li qed itawwal il-proċess bl-oġġezzjoni tiegħu għall-Imhallef Mizzi għax jaħseb li għandu dritt li jagħżel il-ġudikant fil-kawżi li fihom ikun involut hu.