Barranin
Iddikjarata ġimgħa ta’ emerġenza fi New South Wales

Il-premier tal-Istat ta’ New South Wales iddikjarat ġimgħa ta’ emerġenza minħabba n-nirien li dejjem qed jiżdiedu.

Matul tmiem din il-ġimgħa hemm mbassra temperaturi għolja u riħ qawwi li se jwasslu biex in-nar ikompli jinfirex u iħalli qerda warajh.

Minn Settembru sal-lum kawża tan-nirien mietu 18-il persuna, iżjed minn 1,200 dar inqerdu u 17-il persuna għadhom neqsin.

L-istat ta’ emerġenza se jibda l-Ġimgħa fit-tmienja ta’ filgħodu f’New South Wales u jibqa’ sejjer ġimgħa.

“All of our agencies, all organisations know that from tomorrow, they will be subject to forced evacuations, road closures, road openings, and anything else we need to do as a state to keep our residents safe and to keep properties safe,” qalet Gladys Berejiklian.

Ħafna mir-residenti jinsabu mbikkma għal dak li qed iseħħ, b’uħud minnhom imwerwrin li se jitilfu djarhom. Intant, eluf ta’ turisti u residenti qegħdin jaħarbu minn zona turistika f’New South Wales fejn bdew jonqsu l-provvisti.

In-nirien mifruxa qed iħeġġu dibattitu politiku minħabba li l-gvern Awstraljan qed jagħlaq għajnejh għall-emerġenza tal-klima, waqt li kritiċi tiegħu qed isostnu li l-Awstralja ma tistax tibqa’ tagħti dahra lill-problema tat-tibdil fil-klima, li tista’ tkun ir-raġuni wkoll għat-temperaturi rekord li qed ikollha.