Kronaka
Identifikat ir-raġel li ta senter f’idejn ġuvnott waqt li kien għall-kaċċa

Il-Pulizija qed tkellem raġel ta’ 62 sena li joqgħod Birżebbuġa b’rabta ma’ rapport ta’ minuri fil-pussses ta’ senter tal-kaċċa.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li lbieraħ, għall-ħabta tas-7.15am, il-Pulizija tal-Environmental Protection Unit (EPU) ġew infurmati minn membri tal-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) li fl-inħawi ta’ Triq il-Brolli, f’Birżebbuġa, hemm persuna taħt l-età fil-pussess t’arma tan-nar.

Il-Pulizija marret fuq il-post imma l-persuni involuti kienu laħqu telqu. Wara analiżi tal-filmati u investigazzjonijet oħra, il-Pulizija tal-EPU identifikat lis-suspettat adult li dak il-ħin kien mal-minuri.

Għaldaqstant, il-Pulizija marru fir-residenza tar-raġel fejn hemmhekk ġiet ikkonfiskata l-arma tan-nar li kienet f’idejn il-minuri.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti b’akkużi relatati ma’ dan il-każ filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ritratti: CABS