Kronaka
Il-Pulizija tappella għall-informazzjoni dwar il-mara li nqatlet fil-Gżira

Il-mara li tilfet ħajjitha lbieraħ wara li kienet involuta f’inċident fil-Gżira probabilment jisimha Tinka Ivanova.

L-inċident seħħ ilbieraħ fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu fi Triq ix-Xatt. Hija ntlaqtet minn mutur Kymco, li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 43 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.

Il-vittma ngħatat l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar assistenza però ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara.

Fi stqarrija, li fiha l-Pulizija ppubblikat ir-ritratt tal-vittma appellat lill-pubbliku biex min għandu xi informazzjoni dwar din il-persuna, jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali, fuq in-numri ġenerali tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21224001 jew 119.

Informazzjoni tista’ tiġi mgħoddija ukoll fi kwalunkwe Għassa tal-Pulizija.