Lokali
Iffirmat ftehim bejn Malta u l-Korea t’Isfel għat-tisħiħ fl-infrastruttura

Iffirmat ftehim fil-prinċipju bejn il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u l-Ministeru tal-Korea t’Isfel għall-Artijiet, l-Infrastruttura u t-Trasport.

Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Christopher Cutajar, li bħalissa qed imexxi delegazzjoni fil-Korea t’Isfel.

L-għan tal-ftehim huwa li tissokta l-koperazzjoni fil-qasam tal-infrastruttura bejn iż-żewġ pajjiżi.  Tliet snin ilu, kien ġie ffirmat ftehim simili, li permezz tiegħu ngħatat għajnuna teknika għall-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, kif ukoll fejn jidħlu pariri dwar id-disinn tat-toroq.

Is-Sur Cutajar qal li huwa pass għaqli li dan il-ftehim jiġġedded għal tliet snin oħra, hekk kif il-ftehim preżenti kien ta’ benefiċċju għal pajjiżna u jservi wkoll biex jikkultiva relazzjoni ta’ ħidma tajba bejn iż-żewġ pajjiżi.

Matul iż-żjara fil-belt kapitali ta’ Seoul, id-delegazzjoni Maltija qed tieħu sehem ukoll fil-Global Infrastructure Cooperation Conference 2018.