Lokali
Iffirmat ftehim ġdid għat-tisħiħ tal-ħidma ta’ Heritage Malta

Heritage Malta għaddejja b’ħidma biex ittejjeb l-aġenzija u l-ambjent tax-xogħol tagħha lejn il-modernizzazzjoni tal-istruttura, sistemi, u proċessi tal-aġenzija.

L-aġenzija ħadmet qatigħ biex ittejjeb is-salarji tal-ħaddiema fejn ġie iffirmat ftehim dwar struttura ta’ pagi mal-Aġent Uffiċjal Kap Eżekuttiv f’isem Heritage Malta Noel Zammit u s-Segretarju tas-Sezzjoni tal-Gvern u l-Entitajiet Pubbliċi f’isem il-General Workers Union Kendrick Bondin.

Waqt żjara fil-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal: “B’dan il-mod, qegħdin insaħħu l-professjonalizzazzjoni fi ħdan is-settur kulturali li qiegħed kulma jmur dejjem jiżviluppa f’ġeneratur ekonomiku u soċjali. Dan l-investiment fil-ħaddiema tas-settur kulturali se jġib aktar benefiċċji għas-soċjetà tagħna u aħna se nkomplu naħdmu biex niżguraw settur aktar aċċessibbli. Bl-istrateġija tagħha l-aġenzija qiegħda tikkultiva s-settur kulturali, dan jidher biċ-ċar speċjalment meta naraw l-iskemi ta’ suċċess tagħha, fosthom il-Passaport ta’ Heritage Malta u l-open days”.

Is-Sur Noel Zammit qal li l-aġenzija ħadmet biex tindirizza l-bidliet fl-ambjent tax-xogħol billi jitranġaw il-pagi filwaqt li l-Aġenzija titpoġġa fuq l-istess livell mas-suq. Din iż-żieda, qal is-Sur Zammit, kienet possibbli wkoll grazzi għall-prestazzjoni pożittiva tal-aġenzija matul dawn l-aħħar sentejn.”