Lokali
Iffirmat kuntratt biex Ġnien l-Ewropa fiż-żona tal-Papa f’Birżebbuga jiġi rinnovat

Ġnien l-Ewropa fil-qalba taż-żona tal-Papa f’Birżebbuġa se jinbidel fi ġnien attrezzat u aċċessibbli għat-tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu.

B’investiment ta’ madwar 100,000 ewro, li l-parti kbira minnhom huma fondi tal-Unjoni Ewropea, il-ġnien se jkun mgħammar b’tagħmir iddisinjat apposta għal tfal bl-awtiżmu.

Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar ftehim, li se jagħti bidu għal dan il-proġett, il-mara tal-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, qalet li din hija ċelebrazzjoni ta’ inklussività. Hija saħqet li l-integrazzjoni tat-tfal f’kull aspett ta’ ħajjithom hija parti integrali mill-proċess edukattiv tagħhom.

”Ftit tal-ġimgħat ilu ġiet imnedija wkoll skema fejn tfal fil-firxa wisgħa tal-awtiżmu se nkunu qed nagħtuhom skema, li tlaħħaq is-sitt elef ewro biex ikollhom apparat fid-dar tagħhom stess li jgħinhom, però llum rajna xi ħaġa ġdida fejn ġie ffirmat ftehim biex isiru xogħlijiet f’dan l-ispazju, f’dan il-ġnien biex tfal li qedgħin fil-firxa wisgħa tal-awtiżmu jkunu jistgħu jiġu hawnhekk u jintegraw ma’ tfal oħrajn.”

Fil-ġnien se jsir xogħol ieħor ta’ tisbiħ li jinkludi t-tneħħija ta’ siġar invażivi u tħawwil ta’ arbuxelli, tibdil tal-għamara bħal bankijiet u laned tal-iskart. Se tinbidel is-sistema tad-dawl u titwaħħal sistema ġdida ta’ cameras tas-sigurtà. L-istudenti tal-iskola primarja ta’ Birżebbuġa se jiddiżinjaw tabelli ta’ informazzjoni għall-ġnien, li se jservi wkoll ta’ klassi fejn se jsiru attivitajiet interattivi marbuta ma’ suġġetti dwar l-ambjent u n-natura.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, iddeskriva dan bħala proġett uniku, waqt li s-Segretarju għaż-Żgħażagħ, Sport u Organizzazzjonijiet Volontarji, Clifton Grima, qal li dan hu ta’ eżempu għal bliet u rħula oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li b’dan il-proġett qed jintradd lura mill-ħafna li ttieħed mingħand il-persuni li jgħixu Birżebbuġa matul is-snin.

Parti minn dan il-proġett hija ffinanzjata wkoll mill-Fondazzjoni Gal Xlokk, il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u mill-mekkaniżmu nazzjonali ta’ kofinanzjament.