Lokali
Iffriżati l-assi kollha tad-diretturi li jmexxu restorant fl-Imsida wara li ġew mixlija b’ħasil tal-flus

Keith Testa ta’ 29 sena minn Birkirkara u Carlos Dimech, accountant ta’ 27 sena mill-Imsida wieġbu mhux ħatja fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus fost akkużi oħra, f’każ li fih hemm involut ukoll l-ex footballer internazzjonali Malti Darren Debono. Huma ġew mixlija kemm fil-kapaċità personali tagħhom kif ukoll bħala diretturi tal-kumpanija Pietà Marina Caterers Limited, li hija rreġistrata fuq l-indirizz tar-restorant La Vecchia Degona, f’Sa Maison, l-Imsida. Dimech ġie mixli wkoll li bħala accountant aġixxa bi ksur tad-dmir professjonali tiegħu.

Fl-investigazzjonijiet tagħha, il-Pulizija insistew fil-qorti li l-kumpanija tal-akkużati kienet qed titmexxa direttament minn Darren Debono flimkien ma’ katina ta’ restoranti oħrajn, fosthom Capo Mulini u Porticello immexxijin minn Florinda Sultana u Albert Buttigieg li wkoll qed jiffaċċjaw akkużi simili. Dan hekk kif ħareġ minn għadd ta’ dokumenti li ġew ikkonfiskati mill-pulizija waqt it-tfittxijiet li saru. L-ispettur James Turner xehed li mill-investigazzjonijiet tal-pulizija, Debono dejjem kien iħallas bi flus kontanti.

Ħareġ ukoll li l-kumpanija tal-akkużati kellha ammont ta’ flus kontanti u minflok ma kienet tiddepożitahom fil-bank, kienet tużahom biex tħallas il-kontijiet tagħha. L-Ispettur qal li dan kien isir għax l-akkużati qalu li kienet saret diffiċli li jagħmlu dan għax il-bank kien qed jagħmlilhom ħafna mistoqsijiet dwar id-depożiti.

Mistoqsi fil-kontroeżami, l-ispettur Turner qal li l-istruttura tal-kumpaniji, inkluż tal-akkużati, kienet tindika li kienu qed jitmexxew direttament minn Darren Debono. Huwa kkonferma wkoll li l-flus li allegatament intużaw f’dan in-negozju, kienu ġejjin mill-kutrabandu taż-żejt li dwarhom hemm proċeduri pendenti fl-Italja.

Il-Prosekuzzjoni ma kinitx f’qagħda tikkwantifika l-ammonti li Debono allegatament investa fil-kumpanija tal-akkużati. Id-difiża argumentat li l-assi personali li ż-żewġt irġiel kellhom qabel kienu nvoluti f’din il-kumpanija, ma setgħu qatt kienu frott ta’ xi reat. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużati inkluż dawk li kellhom qabel ħadu f’idejhom il-kumpanija involuta għax saħqet li l-liġi ma tagħmel ebda distinzjoni.