Lokali
Iffinalizzat il-masterplan għax-xatt ta’ Marsalforn

Il-Ministeru għal Għawdex iffinalizza l-masterplan għal Marsalforn li ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan wara li ġiet sottomessa l-applikazzjoni wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.

Il-masterplan ikopri żona ta’ 12,850 metru kwadru u jinkludi t-toroq fil-qalba tal-port. Bil-masterplan, l-operaturi f’Marsalforn se jkollhom linji gwida ċari ta’ kif u fejn għandhom japplikaw mal-awtoritajiet biex iżidu l-faċilitajiet turistiċi tagħhom.

Iċ-Chairman tal-Gozo Tourism Association, Joe Muscat, qal li l-assoċjazzjoni laqgħet b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-masterplan għal diversi raġunijiet. Hu semma fost oħrajn il-ħtieġa li dan il-post ikun organizzat bħala destinazzjoni ta’ kwalità.

Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, qalet li issa kull min ikun irid japplika għal xi permess irid jagħmel dan fil-kuntest tal-masterplan. Dr Caruana qalet li dan l-eżerċizzju jwitti t-triq għal proġetti oħrajn, fosthom għal studju dettaljat biex jinbena l-breakwater f’Marsalforn.

Hija indikat li ser isiru masterplan oħra għax-Xlendi, r-Ramla l-Ħamra u Mġarr ix-Xini. Il-Ministru Caruana qalet li dawn l-interventi jirrikjedu investimenti kapitali sostanzjali, però l-ministeru huwa impenjat li jkompli jtejjeb u jgħolli l-prodott turistiku f’Għawdex.