Saħħa
Iġemmgħu l-metall mill-catheters f’Mater Dei u jbigħuhom barra

L-esperti tal-klima jisħqu li l-azzjonijiet ta’ kull persuna qed jaffettwaw ir-rata tat-tibdil fil-klima, u li kulħadd jista’ jieħu passi żgħar biex irażżan l-effetti ta’ dan il-fenomenu.

Hekk qed jagħmlu l-professjonisti u l-infermiera f’Mater Dei li, minn sena ‘l hawn bdew iġemmgħu metall prezzjuż f’catheters li jintużaw f’mard tal-qalb. Dan il-metall, flok intrema, qed jinbiegħ lil funderija fir-Renju Unit b’mijiet ta’ ewro li qed jgħadduhom lill-organizzazzjoni ‘Beating Hearts’.

Hu stmat li l-qalb ta’ kull persuna tħabbat bejn 60 u 100 darba kull minuta, possibilment inqas waqt il-mistrieħ u iktar waqt xi attività fiżika.

Jekk il-qalb tħabbat b’ritmu normali, id-demm miżgħud ossiġnu jitwassal fl-organi l-oħrajn tal-ġisem. Għadd ta’ ċelloli fil-qalb jużaw frekwenza elettrika biex jikkontrollaw il-veloċità u r-ritmu tat-taħbit tal-qalb.

Jekk il-qalb tħabbat b’mod mgħaġġel jew irregolari, persuna x’aktarx li tkun qed tbati mill-palpitazzjonijiet li jistgħu jitwaqqfu bl-użu ta’ catheter, jew aħjar tubu twil u flessibbli li jiddaħħal sal-qalb. Kif il-catheter jasal fil-qalb, il-kardjoloġista jillokalizza l-post eżatt tal-problema, u bil-ponta magħmula mill-platinum, jarmi enerġija sħuna jew kiesħa f’dik iż-żona partikolari, bil-għan li jwaqqaf il-palpitazzjonijiet.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija f’Mater Dei, Dr Robert Xuereb, qalilna li kull sena madwar mitt persuna ssirilhom din il-proċedura, u f’kull waħda minnhom jintużaw bejn tnejn jew erba’ catheters li jiswew bejn €200 u €2,000 ‘l waħda. Dr Oscar Aquilina spjega li sa sena ilu, dawn il-catheters kienu jintremew, iżda bl-għajnuna ta’ Dr Kim Rajappan mill-isptar ta’ John Radcliffe f’Oxford, bdew inizjattiva favur kawża partikolari.

“Dawn huma ‘single use’, jiġifieri jintremew wara l-proċedura, u l-inizjattiva hija sempliċi billi naqtgħu t-tarf, inġemmgħuhom f’bott sempliċi,” qal Dr Aquilina.

Dr Aquilina spjega li l-ewwel żewġ bottijiet li ġemmgħu bagħtuhom f’funderija fir-Renju Unit, u għalihom irċevew ħlas ta’ kważi elf ewro, li ppreżentaw bħala donazzjoni lill-organizzazzjoni ‘Beating Hearts’, li bihom l-għaqda ffinanzjat parti minn magna sofistikata (echo cardiogram) li tiġbed ritratti tal-qalb mingħajr l-użu ta’ raġġi, maħsuba l-aktar għat-tfal jew nisa tqal.

Dr Xuereb qal li dan hu eżempju sempliċi kif kulħadd jista’ jieħu azzjonijiet żgħar u konkreti favur l-ambjent.

“Bħala professjonisti mhux biss qegħdin nieħdu ħsieb is-saħħa direttament, iżda qed inkomplu nieħdu ħsieb is-saħħa tal-pazjenti tagħna billi anke nipproteġu l-klima u l-ambjent tagħna,” qal Dr Xuereb.

Dr Xuereb u Dr Aquilina rringrazzjaw lill-infermiera li fi tmiem kull proċedura qed jieħdu inizjattiva personali li jżommu dan il-metall preżjuzz biex minnu jkompli jsir il-ġid għall-pazjenti u l-ambjent.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Ir-restawr fuq l-ikbar esebit fil-Mużew Marittimu lest. Il-Pulena, li għamlet żmienha fuq il-pruwa tal-HMS Hibernia, reġgħet lura għall-glorja tagħha. Għalissa fis-skiet għaliex il-pandemija għalqet il-bibien tal-mużewijiet, imma la jerġgħu jiftħu…

Stejjer Umani

Sentejn ilu waqa’ għall-vizzju tad-droga għax tilef lill-ommu u sofra minn sfidi mentali, iżda issa ddeċieda li jidħol għall-programm tal-Caritas biex ikun jista’ jerġa’ jgħannaq lil familtu u jgħin persuni…

Lokali

Tabiba Maltija ngħata kariga importanti fi ħdan l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Dr Natasha Azzopardi Muscat inħatret bħala Direttur li fost affarijiet oħra se tieħu ħsieb is-servizzi tas-saħħa fl-Ewropa fosthom biex jiżdied…

Aktar