Lokali
Iħabbar li mill-Ħamis se jinħarġu s-62+ Government Saving Bonds li jħallsu b’rata ta’ 3% fis-sena

Fit-tieni laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-budget bit-tema tkun il-mistoqsija X’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek? il-Ministru Clyde Caruana ħabbar li minn għada, dawk li twieldu mis-sena 1959 jew qabel huma elegibbli li japplikaw għall-ħrug ta’ bonds tal-Gvern bl-isem ta’ 62+ government savings bonds.

Spjega li min digà għandu dawn il-bonds se jirċievi ittra u applikazzjoni d-dar. Min le, jista’ jmur f’fergħa ta’ bank lokali jew broker.

Dawn il-bonds se joffru rata ta’ imgħax ta’ 3% fis-sena għal 5 snin. L-applikazzjonijiet jiftħu bħal lum gimgħa 29 settembru u jagħlqu fl-4 ta’ Ottubru. Clyde Caruana qal li se tingħata importanza lil dawk li qatt ma bbenefikaw minn dawn il-bonds.

Intant iż-żewg temi ewlenin ta’ din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kienu l-edukazzjoni u x-xogħol.

Fost is-suggerimenti min-nies preżenti kien hemm dak li fl-edukazzjoni tingħata iktar importanza fit-tagħlim tas-suġġetti imprenditorjali.

Kien hemm min issuġġerixxa li l-Maltin jingħataw iktar importanza fl-industrija finanzjarja minħabba li qalu li ħafna drabi dawn jittieħdu mill-barranin. Mir-raħal ta’ Ħal Balzan kien hemm min talab li f’din il-lokalità wkoll ikun hemm ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani.

Il-Ministru Clyde Caruana qal li dan il-Gvern dejjem wieżen sew il-pensjonanti. Sostna li fil-budget li ġej il-Gvern se jħabbar żidiet u ħafna iktar għajnuniet lill-pensjonanti. Qal li dan se jsir minkejja l-isfida tal-pandemija. Għall-mistoqsija biex jinfetaħ ċentru matul il-jum għall-anzjani f’Ħal Balzan, Clyde Caruana qal li jista’ jwiegħed issa hu li fil-budget se jkun hemm budget miżjud biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità.

Interventi oħra kienu tal-prinċipal tal-MCAST James Calleja qal li l-futur tal-MCAST hu sabiħ ħafna grazzi għal iżjed investiment fil-kulleġġ. Rosanne Cuschieri mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-edukazzjoni avvanzata qalet li tixtieq li l-awtorità tingħata iktar għajnuna finanzjarja u taħriġ għan-nies tagħha.

Intervent imqanqal kien dak ta’ raġel dwar il-mod kif qed jaħdmu l-banek u l-ispejjeż involuti biex wieħed jinqeda u staqsa jekk il-Gvern hux jibża’ minnhom. Intervent ieħor kien fuq il-prezzijiet għolja tal-propjetà. Żagħżugħ ilmenta li bejn is-16 u 18- il sena jħallsu bolla imma din ma tgħoddx għall-pensjoni tagħhom.

Il-Ministru Clyde Caruana qal li biex jinbidel il-mekkaniżmu ta’ kif jinħadem l-għoti għall-għoli tal-ħajja jrid ikun hemm qbil bejn min iħaddem u rappreżentanti tal-ħaddiema. Dwar prezzijiet tal-propjeta, Clyde Caruana qal li dan hu parti mill-effett li t-tkabbir ekonomiku jġib. Qal li dawn żdiedu mhux bil-ftit u hu konxju li ċertu saffi tal-popolazzjoni ma jlaħħqux ma’ dawn il-prezzijiet. Qal li fil-budget li jmiss se jara li l-ministru Roderick Galdes fil-qasam tal-housing ikollu allokazzjoni b’żieda b’saħħitha għax sostna li din il-problema hemm bżonn tiġi indirizzata.

Dwar il-bolla mħallsa miż-żgħażagħ, il-Ministru Caruana qal li l-għan tal-Gvern hu li iktar żgħażagħ jistudjaw f’dik l-età minħabba li qal li wara jkollhom biżżejjed ċans jaħdmu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli qalet li l-għajnuna li ngħatat lin-negozji fil-pandemija kienet tajba imma dejjem kien hemm x’wieħed jirranġa. Ilmentat fuq burokrazija żejda f’dipartimenti tal-gvern. Issuġġeriet li s-sahra għandha tiġi intaxxata b’rata baxxa.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, Abigail Mamo qalet li l-gvern għandu jagħti sinjal li jitwessgħu brackets tat-taxxa. Appellat biex ċertu negozji li għadhom impattati bil-covid għandhom jibqgħu jingħataw għajnuna s-sena d-dieħla.