Stejjer Umani
Iħalli Malta biex jitma’ eluf f’Bejrut

Kok Malti-Lebaniż iddeċieda li l-ġimgħa d-dieħla jagħlaq in-negozju tiegħu u jmur jgħin lil uħud mill-mijiet ta’ eluf ta’ Lebaniżi li l-isplużjoni tal-ġimgħa li għaddiet f’Bejrut ħallithom b’ta fuqhom senduqhom u agħar minn hekk mingħajr il-ħobża ta’ kuljum. Bħala parti minn din l-inizjattiva mis-Sibt li għadda sal-lum, Hany Harb u ħames persuni oħra ġabru kważi €30,000 li se jgħadduhom lil Caritas u s-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar fil-Libanu.

L-isplużjoni qawwija f’Bejrut ġimgħa u nofs ilu qatlet ftit iktar minn 200 persuna, aktar minn 6,000 indarbu u aktar minn 300,000 spiċċaw bla dar u bla ikel.

Id-Direttur tal-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Magħquda, David Beasley qal li l-filmati ma jistgħux jiddeskrivu l-ħerba fil-port tal-kapitali tal-Libanu li hu kruċjali għat-trasport tal-provvisti tal-ikel lil popolazzjoni ta’ ftit inqas minn seba’ miljun persuna.

Hany Harb li twieled il-Libanu u ilu aktar minn 30 sena jgħix Malta, qalilna li quddiem din il-kriżi ma setax jibqa’ ċass u ma jagħmel xejn. “Jiena għandi żewġ pajjiżi li għandi dover lejhom, il-Libanu qed isejjaħli bħalissa u dak kien l-iskop li mmur hemmhekk ngħin kif nista’, ovvjament il-professjoni tiegħi hija li mmur insajjar imma din żvolġiet f’xi ħaġa ferm ikbar”.

Fil-fatt f’temp ta’ ħamest ijiem minn meta ħabbar li hu u għadd ta’ kokijiet ta’ fama internazzjonali minn madwar id-dinja se jmorru l-Libanu biex jgħinu fit-tħejjija ta’ 18,000 ikla kuljum, is-Sur Harb qal li r-rispons u l-ġenerożità tal-Maltin kienu impressjonanti. “Il-mira kienet €15,000 u sa issa ġbarna kważi €28,000 u d-donations għadhom deħlin, naħseb il-kelma grazzi lin-nies li ddedikaw u taw il-ħin biex jiġu jtuna l-fondi m’hix biżżejjed, jiġifieri grazzi lil kulħadd mill-qalb, illum kburi ħafna ngħid li jien Lebaniż-Malti u ngħix f’Malta għax tawni ‘welcome’ li ma nistax nispjegaha”.

Id-donazzjonijiet se jingħataw lill-organizzazzjonijiet tal-karità internazzjonali leġittimi li qed jgħinu lill-poplu Lebaniż. “Caritas Lebanon u Red Cross Lebanon ħalli aħna nkunu safe li se ngħaddu l-fondi kif suppost ok”.

Fil-Libanu, Hany Harb se jkun akkumpanjat minn ħames persuni oħra li volontarjament ħadu l-inizjattiva li l-ġimgħa d-dieħla jmorru jagħtu daqqa t’id fosthom Jean Galea Souchet. “Il-gost u pjaċir tiegħi ngħin lil min għandu bżonn dak li jtini pjaċir fil-ħajja u meta tara minn xiex għaddejjin imsieken ma tistax ma tmurx”.

Fl-aħħar ġimgħa fil-Libanu kienu qed jinstabu medja ta’ 300 persuna kuljum pożittivi għal COVID u kważi 90 persuna mietu bil-virus. Is-sitt persuni li se jmorru minn Malta se jagħmlu swab test qabel jitilqu u ieħor hekk kif jaslu waqt li joqgħodu kwarantina sakemm jinħarġilhom ir-riżultat.

Aħbarijiet Oħra

Is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni, Frank Fabri qal li r-risk assessors li huma liċenzjati mal-OHSA, daħlu fl-iskejjel kollha biex jiċċertifikaw skola, skola hix tabilħaqq preparata għall-ftuħ fid-dawl tas-sitwazzjoni li ġabet magħha l-pandemija….

Waqt il-programm TVAM, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 fid-djar tal-anzjani. Il-Professur Gauci kkonfermat li llum naqbżu t-3,000 każ ta’ Covid-19 f’Malta. Tkellmet ukoll dwar l-importanza…

Matul il-jum tal-Ħadd inġabret is-somma ta’ €1,436,955 għal Dar Bjorn. Il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi saret sabiex tinfetaħ it-tieni Dar Bjorn għall-pazjenti bl-ALS u kundizzjonijiet newroloġiċi. Il-maratona bdiet f’nofsinhar u…

Is-satelliti li hawn fl-ispazju fuq Malta jipproduċu informazzjoni utli dwar il-kurrenti tal-baħar u l-effetti li għandhom fuq il-kosta Maltija. Grupp ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta ħolqu sistema teknoloġika li permezz tagħha…

Aktar